Malta ġiet greylisted għaliex l-FATF sabet nuqqasijiet fl-implimentazzjoni ta’ tliet affarijiet serji… l-iktar li jispikkaw huma nuqqasijiet fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus. Qabel jiġu indirizzati serjament dawn it-tliet punti, Malta mhux se titneħħa minn din il-lista.
It-tliet punti, issa jiffurmaw parti minn pjan ta’ azzjoni li l-Gvern Malti għandu jindirizza b’mod sħiħ. Fil-qalba ta’ dan il-pjan, hemm bżonn azzjonijiet fil-ġlieda kontra evażjoni fiskali.
Fl-aħħar sigħat, il-President tal-FATF, Marcus Pleyer, ta ħarsa lejn il-pjan ta’ azzjoni li għandu quddiemu l-Gvern Malti. Huwa indika li filwaqt li Malta kellha qafas legali tajjeb, l-implimentazzjoni kienet ‘il bogħod mill-istandards tal-FATF… Pleyer irrifjuta li jikkummenta dwar meta Malta tista’ tittama li titneħħa mil-lista griża.
Tpoġġejna fil-greylist għaliex instabu nuqqasijiet fl-informazzjoni marbuta ma’ kumpaniji u s-sidien tagħhom kif ukoll nuqqas ta’ azzjoni fejn ċertu dettalji kienu nieqsa. Instabu wkoll nuqqasijiet fl-FIAU li wasslu għal nuqqas ta’ azzjoni kontra reati ta’ evażjoni fiskali u każijiet ta’ ħasil ta’ flus. Issa, l-FIAU trid tingħata aktar riżorsi u tkun iktar involuta f’investigazzjonijiet ta’ reati ta’ taxxa u ħasil ta’ flus.
Il-President tal-FATF spjega kif Malta tpoġġiet fuq il-greylist għaliex ma kinetx analizzata biss l-implimentazzjoni teknika tal-liġijiet iżda saret analizi wkoll tal-effettività tal-liġijiet imposti. Marcus Pleyer innota li dan huwa differenti mill-Moneyval li ffoka biss fuq il-valutazzjoni tal-qafas tekniku.
L-FATF spjegat li Malta spiċċat taħt il-lenti tagħha fl-2019 fejn fl-ewwel valutazzjoni, l-Gvern Malti falla f’disa’ minn 11-il kategorija. Malta ġiet miżjuda mal-greylist, flimkien mal-Ħaiti, il-Filippini u s-Sudan t’Isfel.
//= $special ?>