Il-Partit Nazzjonalista illum 26 ta’ Ġunju jingħaqad sabiex jfakkar li sitta u sebgħin (76) sena ilu ġie iffirmat l-istatut li waqqaf l-Ġnus Magħquda. Mill-ewwel 50 membru oriġinali tal-1945 illum n-numru kiber u l-Organizzazzjoni saħħet b’esperjenza u ablità. Esperjenza politika li tfakkarna li min jinsa l-lezzjonijiet tal-passat jkun qiegħed jcaħħad lilu nnifsu mill-futur.
Pajjiżna minn żmien l-Indipendenza fl-1964 taħt t-tmexxija għaqlija ta’ Gorg Borg Olivier huwa membru attiv u magħruf għal diversi inizjattivi li ħa fosthom dawk marbuta u magħrufa bħala “Law of the Sea”, “Resolution on the Question of the Elderly and the Aged”, “Climate Change”.
Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jafferma bis-sħiħ u mill-ġdid l-impenn tiegħu fi ħdan din l-Organizzazzjoni għax jemmen li hija strument li twassal lejn l-paċi, l-ġustizzja, l-istabilità u s-sigurtà fl-Ordni Mondjali. Pass importanti fil-process ta’ Ċiviltà.
Il-Partit Nazzjonalista fl-impenn sħiħ tiegħu f’dan l-Jum għalhekk jieħu l-okkazzjoni sabiex jfakkar li bis-saħħa ta’ proposta tal-Gvern Nazzjonalista, Malta hija biċ-ċans kbir li tkun membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda għal sentejn minn 2023.
Jfakkar li fl-2010 Gvern Nazzjonalista kien tefa’ nominazzjoni sabiex pajjiżna jkun membru għal sentejn tal-Kunsill Tas-Sigurta’ tal-Ġnus Magħquda għas-snin 2023 u 2024. Minn dik is-sena kienet bdiet kampanja mill-Gvern tal-PN sabiex Malta li, tifforma parti mil-Grupp tal-Ewropa tal-Punent, li għandu żewġ siġġijiet allokati għalih, tassigura li tikseb l-appoġġ meħtieġ tal-membri l-oħra sabiex din n-nomina tirnexxi.
Sa issa hemm biss żewġ pajjiżi minn dan il-Grupp li tefgħu in-nomina. Dawn huma Malta u l-Isvizzera. Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ kif inhi, Malta u l-Isvizzera isiru membri tal-Kunsill bla votazzjoni f’Gunju 2022.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’sodisfazzjon dan l-iżvilupp. Jiddikjara proprju aktar f’dan il-Jum li hu lest li jkompli jappoġġja b’kull mezz din in-nomina sabiex tilħaq l-iskop tagħha, u li l-vjaġġ li nbeda meta kien fil-Gvern jintemm b‘suċċess.
Din l-istqarrija tal-PN kienet iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight.
//= $special ?>