Sport Waterpolo

San Ġiljan iħallu kollox għal għada

Jagħtu l-ewwel telfa lil Neptunes u jirbħu l-Enemed Cup jekk jirrepetu r-rebħa

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES………………………… 8

SAN ĠILJAN MERCURY……. 11

(1-3), (3-1), (2-5), (2-2)

Kollox jiġi deċiż illum. Mertu ta’ San Ġiljan Mercury Towers li taw l-ewwel telfa lil Neptunes fil-kompetizzjoni. Minħabba li l-format ta’ din is-sena hu li tim ikun eliminat wara t-tieni telfa, rebħa kienet bilfors għall-Ġiljaniżi. B’hekk it-tnejn għandhom telfa u jerġgħu jilagħbu llum f’dik li nsejjaħ bħala finalissima.

Kollox ma’ kollox, rebħa meritata għat-tim ta’ Dorian Pisani. Kompliċi kien il-vantaġġ doppju li kisbu San Ġiljan hekk kif wasslu lill-avversarji biex jiġru wara r-riżultat, b’Neptunes qatt ma jmorru fil-vantaġġ tul il-logħba. Neptunes kellhom l-iżvantaġġ li għal partita oħra kienu mingħajr Stevie Camilleri u l-imweġġa’ Jordan Camilleri, fatt li żgur iħalli effett f’partiti diretti.

Bidu b’saħħtu għal San Ġiljan li mill-ewwel fetħu vantaġġ doppju permezz tal-captain Matthew Zammit. Lejn tmiem is-sessjoni, man-up għal San Ġiljan u l-kowċ Dorian Pisani sejjaħ time-out. Minn dik l-azzjoni Dominique Zahra għamilhom 3-0. Ftit wara, Jake Muscat naqqas id-distakk ukoll minn man-up.

Dan il-gowl nissel kuraġġ fit-tim ta’ Neptunes għat-tieni sessjoni. Dan hekk kif wara li San Ġiljan żammew vantaġġ ta’ 4-2, Neptunes irnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ b’xutt ta’ Michael Spiteri Staines u Jake Muscat skorja t-tielet gowl personali lejn tmiem is-sessjoni b’opportuniżmu minn quddiem il-lasta.

Madankollu San Ġiljan reġgħu għollew il-kwalità fil-logħob tagħhom fit-tielet sessjoni u kisbu vantaġġ li kien biżżejjed għalihom biex jamministrawh sat-tmiem. Bħalma għamlu fil-bidu, skorjaw darbtejn fl-ewwel żewġ minuti tas-sessjoni. Sam Gialanze naqqas id-distakk b’konklużjoni sabiħa iżda Dino Zammit għamilhom 7-5, b’Andreas Galea jkabbar il-vantaġġ għal tliet gowls minn penalty. Jeremy Abela ħalla lil Neptunes jittamaw b’azzjoni personali iżda Matthew Zammit għamel l-iskor 9-6 minn man-up fl-aħħar azzjoni tas-sessjoni.

Il-Ġiljaniżi neħħew kull dubju minn possibbiltà ta’ rimonta ta’ Neptunes, bil-gowl ta’ Andreas Galea madwar żewġ minuti mill-bidu tal-aħħar sessjoni. Zahra għamilhom 11-6, b’Muscat u Gialanze jnaqqsu d-distakk li ma kienx biżżejjed biex jevita t-telfa. B’hekk ir-rebbieħ tal-Enemed Cup ikun deċiż illum.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil, J. Spiteri Staines, R. Galea, M. Castillo, J. Abela (1), M. Spiteri Staines (1), A. Fenech, S. Gialanze (2), A. Bugeja, J. Cachia, M. Zammit

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra (2), A. Galea (4), D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (4), M. Ortoleva, J. Bonavia, B. Plumpton, Da. Zammit, K. Galea, Di. Zammit (1), G. Vassallo

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri

Enemed Cup

Finali

Għada

Neptunes v San Ġiljan   6.30pm