L-eks Kanċillier tal-Finanzi Britanniku, Savid Javid, minn issa ‘il quddiem se jkun is-Segretarju responsabbli mis-Saħħa fir-Renju Unit wara r-riżenja ta’ Matt Hancock mill-kariga. U filwaqt li l-ammonti ta’ infezzjonijiet bil-varjanti tal-Covid qed jiżdiedu mill-ġdid fir-Renju Unit, Javid insista li l-priorità, issa, hi li l-pajjiż jirritorna lejn in-normalità mill-aktar fis possibbli.
Matt Hancock, li kien personalità mill-aktar prominenti fil-ġlieda tar-Renju Unit kontra l-Covid, irriżenja fl-aħħar sigħat wara li kienu żvelati ritratti u filmati tiegħu qed ibus lil mara kollega bi ksur tal-linji gwida relatati mas-social distancing.
Kienet il-gazzetta The Sun li żvelat ritratti ta’ Hancock f’din il-pożizzjoni kompromettenti u d-Dipartiment tas-Saħħa mistenni li jinvestiga l-leak tar-ritratti u materjal viżiv ieħor inkwistjoni. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson esprima d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li kellu jaċċetta r-riżenja ta’ Matt Hancock f’dawn iċ-ċirkustanzi.
Intant, il-varjant tad-Delta tal-coronavirus kompla jiċċirkula fir-Renju Unit u Javid ammetta li ‘se jkollu ħafna x’jagħmel biex jaċċerta li l-effetti tal-pandemija jinżammu taħt kontroll ‘. Dan ukoll meta ċ-ċifri tal-każi ġodda għas-Sibt f’dan il-pajjiż kienu l-ogħla minn Frar li għadda.
Fir-Renju Unit hemm ‘il fuq minn 1,500 qed jingħataw it-trattament l-isptar għall-Covid-19. Madankollu mistenni wkoll li talanqas nofs l-adulti fl-Ingilterra li għandhom anqas minn 30 sena se jkunu ħadu l-ewel doża tal-vaċċin għal kontra l-coronavirus.
Sadanittant, fl-Awstralja, l-awtoritajiet fl-Istat ta’ New South Wales irrappurtaw 30 każ ġdid tal-Covid-19 waqt it-tieni jum tal-lockdown ġdid għar-reġjun ta’ Greater Sydney li se jibqa’ taħt ir-restrizzjonijiet riġidi għal perjodu ta’ ġimgħatejn.
L-istat tal-lockdown estiż issa hu effettiv għal madwar 5 miljun resident ta’ Greater Sydney waqt li jillimita sew il-movimenti tan-nies fl-inħawi tal-Blue Mountains, Central Coast u Wollongong.
Il-każi tal-varjant Delta ( varjant mill-aktar infettiv) fi New South Wales sal-bieraħ kienu kalkulati mal-110 u l-Prim Ministru tal-Istat, Gladys Berejiklian, qed tistenna li ċ-ċifra tiżdied peress li n-nies li jinsabu taħt iżolament x’aktarx li jispiċċaw jinfettaw lill-membri tal-istess familja.
//= $special ?>