Fil-futur qrib, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jippreżenta aktar proposti li jaffettwaw direttament lill-bniedem biex dan ikun fiċ-ċentru tal-politika. Dan biex kulħadd ikompli jagħti sehemu għall-ġid ta’ pajjiżna u biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jissaħħaħ.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista matul l-intervista tal-Ħadd filgħodu fuq NET FM, li tmexxiet minn Graziella Attard Previ.
Bernard Grech kompla li l-Clusters huma frott ta’ ħafna ħidma li ma kinitx tidher. Fil-fatt, dawn saru parti essenzjali mill-ħolqien tal-politika, bi proposti li ma jaqtgħu xejn u li juru kif il-Partit Nazzjonalista qed jiffunzjona bħala Gvern Alternattiv.
Dwar il-Covid-19, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Partit immexxi minnu hu kuntent li l-pajjiż, bil-mod il-mod, qed ikompli t-triq għan-normalità. U dan grazzi għall-fatt li, fl-aħħar xhur, il-Gvern qed jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa skont l-esperti tas-Saħħa, kif dejjem issuġġerixxa l-Partit Nazzjonalista bil-Covid Action Team tiegħu.
Bernard Grech fakkar kif meta l-Gvern beda jħalli d-deċiżjonijiet f’idejn min jifhem, is-sitwazzjoni bdiet tiġi kkontrollata bis-sħiħ.
Għall-kuntrarju, meta fil-bidu ta’ din is-sena, il-Partit Nazzjonalista kien jippreżenta diversi pariri u proposti, il-Prim Ministru kien jagħżel li jipprova jgħaddi ż-żmien b’dawn l-ideat propożittivi u ma jagħtix kashom.
Hu temm b’appell biex kulħadd jibqa’ attent u jsegwi l-istruzzjonijiet li qed jingħataw minn żmien għall-ieħor mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
//= $special ?>