L-awtoritajiet tad-Difiża Britanniċi jinsabu mħassbin wara li li nstabu dokumenti klassifikati — li jinkludu dettalji dwar bastiment tal-gwerra kif ukoll dwar il-militar tar-Renju Unit – fl-inħawi ta’ venda għall-karozzi tal-linja f’Kent.
Parti mid-dokumenti jiddiskutu ‘ir-reazzjoni probabbli’ tar-Russja għall-movimenti tad-destroyer Britanniku HMS Defender mill-ibħra ‘il hinn mill-Krimea u li fil-fatt irriżultaw f’mumenti ta’ allarm u ansjetà fiz-zona.
Fl-aħħar jiem, il-Ministeru tad-Difiża f’Moska qal li bastiment tal-gwerra tiegħu, dakinar ( l-Erbgħa), kien spara tiri ta’ twissija, b’ajruplan tal-gwerra tar-Russi jixħet il-bombi fir-rotta minn fejn kien għaddej id-destroyer. Madankollu, il-Gvern Britanniku baqa’ jiċħad għal din il-versjoni dwar kif seħħew l-affarijiet.
Intant, id-dokumenti li nstabu jiddettaljaw anki pjani għall-preżenza militari possibbli tal-Britanniċi fl-Afganistan, ladarba tintemm il-missjoni tal-Istati Uniti u n-NATO f’dak il-pajjiż.
Il-Gvern Britanniku, fl-aħħar sigħat, ikkonferma li għaddejja investigazzjoni dwar kif id-dokumenti sensittivi setgħu jispiċċaw fl-inħawi tal-venda tal-karozzi tal-linja.
Sar magħruf ukoll li persuna li taħdem mal-Ministeru tad-Difiża Britannika kienet irrappurtat it-telfa tad-dokumenti sensittivi, iżda l-awtoritajiet ma xtaqux li jikkummentaw aktar.
Intant, id-dokumenti – li b’kollox jammontaw għal madwar 50 – kienu nstabu ‘imxarrbin u mgeżwrin ma’ xulxin’ minn membri tal-pubbliku li xtaq li jibqa’ anonimu. Din il-persuna kuntattjat lin-network tal-aħbarijiet tal-BBC meta rrealizzat in-natura sensittiva tal-kontenut. Min-naħa tiegħu, il-BBC jemmen li d-dokumenti oriġinaw mill-uffiċċju ta’ uffiċjal ewlieni mal-Ministeru tad-Difiża.
Id-dokumenti li jirreferu għal HMS Defender urew li missjoni li suppost kellha tinvolvi ‘vjaġġ ta’ rutina mill-ibħra territorjali tal-Ukrajna’ kienet saret fost aspettativa li r-Russi kienu se jwieġbu b’mod aggressiv għall-movimenti tiegħu.
Fil-fatt, nhar l-Erbgħa, ‘il fuq minn 20 ajruplan tal-gwerra u żewġ vapuri tal-gwardjani tal-kosta tar-Russja bdew isegwu l-movimenti ta’ HMS Defender waqt li d-destroyer kien xi 20 kilometru ‘il bogħod mill-kosta tal-Krimea – u bir-rapporti, wara, jirreferu għat-titjiriet ta’ twissija u t-twaddib tal-bombi intiżi biex jintimidaw lill-ekwipaġġ tad-destroyer,.
Intant, id-dokumenti żvelaw li din il-missjoni tal-HMS Defender – u l-konsegwenzi potenzjali ta’ wara – kienu s-suġġet għal taħditiet ta’ livell għoli, f’Londra, sa jumejn biss qabel il-missjoni tad-destroyer. Dakinar l-uffiċjali kienu spekulaw dwar ir-reazzjoni tar-Russja f’każ li l-HMS Defender kellu jbaħħar qrib iż-żejjed tal-Krimea.
Ir-Russja, fl-2014, kienet ħatfet il-penisola tal-Krimea lill-Ukrajna u għaqqditha mat-territorju tagħha – u d-dokumenti ‘mitlufa’ jindikaw li l-uffiċjali tad-difiża Britanniċi, fl-aħħar jiem, kienu konxji mill-possibbiltà kbira li r-Russi ‘ma kenux se jaċċettaw’ il-preżenza tal-HMS Defender f’dawk l-ibħra.
U għalkemm l-uffiċjali Britanniċi kienu kunsidraw rotta alternattiva għad-destroyer bil-għan li jevitaw konfront potenzjali, l-istess uffiċjali ma riedux jidhru ‘bħala beżgħana mir-Russja’. Dokument ieħor, fl-istess ġin, jindika li d-deċiżjoni biex id-destroyer jgħaddi minn qrib l-Ukrajna kellha twassal il-messaġġ li ‘ir-Renju Unit xorta waħda għadu jirrikonoxxi l-ibħra ‘il hinn mill-Krimea bħala ibħra territorjali tal-Ukrajna’.
//= $special ?>