Sport Waterpolo

James Spiteri Staines jispiċċa l-eroj ta’ Neptunes f’rebħa drammatika … jirbħu l-ewwel unur tal-istaġun

Rapport: Stewart Said

SAN ĠILJAN MERCURY……….. 8

NEPTUNES…………………………… 9

(2-1), (1-3), (2-2), (3-3)

Finali ma tkunx finali jekk ma jkolliex tmiem drammatiku. Finalment kienu Neptunes li rnexxielhom jirbħu l-Enemed Cup għall-ewwel darba b’rebħa ta’ 9-8 kontra San Ġiljan Mercury Towers. Il-logħba kellha tintlagħab 24 siegħa wara li ż-żewġ timijiet iltaqgħu għall-ewwel darba. Is-Sibt kienu San Ġiljan li ħarġu rebbieħa meritatament 11-8 iżda din il-logħba kellha storja differenti.

Għal Neptunes kienu mingħajr l-aħwa Stevie u Jordan Camilleri li iżda t-tnejn kienu fuq il-bank. Huma ħarġu tajjeb mill-bidu u kontra ta’ dak li seħħ is-Sibt, qatt ma kienu minn taħt, fejn anki kellhom ikunu mentalment b’saħħithom wara r-rimonta Ġiljaniża lejn it-tmiem.

Minħabba li Neptunes ma tilfux fi triqthom lejn il-finali, kellhom aktar mistrieħ mill-avversarji, fattur li seta’ favurihom. Dan għaliex San Ġiljan lagħbu erba’ logħbiet f’sitt ijiem (v Valletta 22 ta’ Ġunju, v Sliema 24 ta’ Ġunju, v Neptunes 26 ta’ Ġunju, v Neptunes v 27 ta’ Ġunju). Minkejja li fiżikament żgur ma kinux fl-aqwa kundizzjoni, il-Ġiljaniżi baqgħu jissieltu sal-aħħar.

Jeremy Abela poġġa lil Neptunes fil-vantaġġ iżda San Ġiljan dawru r-riżultat b’gowls taż-żagħżugħ Jake Bonavia u Matthew Zammit. Jake Muscat kien protagonist għal Neptunes fit-tieni sessjoni b’żewġ gowls fi ftit sekondi. Mattias Ortoleva ġab id-draw minn qagħda ideali iżda ftit wara Sam Gialanze rebaħ penalty b’azzjoni personali u Muscat reġa’ poġġa lit-tim ta’ Jovan Popovic fil-vantaġġ.

Bil-kontra tal-logħba tas-Sibt, Neptunes żammew il-livell ta’ prestazzjoni mal-avversarji anki fit-tieni parti tal-logħba u meritatament bdew l-aħħar sessjoni fil-vantaġġ. Dan minkejja li San Ġiljan ġabu d-draw darbtejn, l-ewwel minn Dino Zammit imbagħad minn Jake Bonavia. Iżda l-gowls ta’ Alec Fenech u lejn tmiem it-tielet sessjoni permezz ta’ Jeremy Abela li għamilhom 6-5.

Mument importanti seħħ madwar ħames minuti minn tmiem il-partita. F’kontrattakk, Alec Fenech rebaħ penalty wara li skont ir-referee Massimo Angileri ġie mwaqqaf minn Dino Zammit fi triqtu lejn il-lasta, b’tal-aħħar ikun it-tielet fawl personali. Mill-penalty Jake Muscat kabbar il-vantaġġ.

Neptunes dehru li kienu qed jikkontrollaw tajjeb il-logħba sakemm Matthew Zammit ħalla kollox miftuħ b’gowl żewġ minuti mit-tmiem. Fl-attakk sussegwenti Jake Bonavia rebaħ penalty għal fawl ta’ Michael Spiteri Staines, deċiżjoni kkontestata mit-tim ta’ Neptunes b’Zammit iġib id-draw.

Iż-żagħżugħ Alec Fenech deher li jagħti r-rebħa lil Neptunes b’xutt sabiħ minuta mit-tmiem iżda pronta kienet ir-risposta ta’ San Ġiljan li rebħu penalty ieħor din id-darba għal fawl ta’ Jake Muscat fuq Darren Zammit. Reġa’ nkariga ruħu Matthew Zammit li ma żbaljax.

Kollox seta’ jiġri bi 28 sekonda għat-tmiem u b’riżultat ta’ 8-8. Kien proprju James Spiteri Staines li b’disa’ sekondi u nofs għat-tmiem għeleb lil Jake Tanti b’xutt fir-rokna tax-xibka. Wara l-logħba saret il-preżentazzjoni, bil-Viċi President tal-ASA Karl Galea jippreżenta t-trofew lill-captain tal-ġurnata Alan Borg Cole.

San Ġiljan: J. Tanti, D. Zahra, A. Galea, D. Fero, R. Caruana, M. Zammit (4), M. Ortoleva (1), J. Bonavia (2), B. Plumpton, Da. Zammit, K. Galea, Di. Zammit (1), G. Vassallo, D. Ciantar

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil, J. Spiteri Staines (1), R. Galea, M. Castillo, J. Abela (2), M. Spiteri Staines, A. Fenech (2), S. Gialanze, A. Bugeja, J. Cachia, M. Farrugia

Referees: Massimo Angileri, Ronnie Spiteri