L-Avukati qed jingħaqdu wara l-Kamra tal-Avukati li tirrappreżentahom bl-iskop li jieqfu lill-Gvern milli jżeblaħ il-professjoni hekk kif irid li dawk l-Avukati li jservu fil-Qrati tal-Ġustizzja jkollhom warrant, iżda dawk li ma jservux fil-Qrati ma jkollhomx warrant.
Abbozz ta’ Liġi ppreżentat mill-Gvern quddiem il-Parlament jaħseb biex dawk li jiggradwaw bħala Avukat u jservu fil-Qorti, allura jinħarġilhom warrant biex ikunu jistgħu jagħmlu dan. Iżda fl-istess ħin dawk li jiggradwaw bħala Avukati u ma jkunux se jservu fil-Qrati għaliex ikunu se jaħdmu lil hinn mill-Qrati tal-Ġustizzja, allura lil dawn ma jinħarġilhom l-ebda warrant u jkunu jissejħu biss bħala persuni li qed jipprovdu servizzi legali barra l-Qrati.
Skont l-Avukati li Il-Mument tkellem magħhom, dak li għandu f’moħħu l-Gvern permezz ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi hu li joħloq żewġ kategoriji ta’ Avukati – dawk bil-warrant u dawk bla warrant. Dan meta skont il-liġijiet ta’ pajjiżna biex persuna tkun tista’ tipprattika l-professjoni legali ta’ Avukat bilfors li jrid ikollha l-warrant maħruġ lilha wara li tkun iggradwad f’tali kors legali.
L-Avukat Louis de Gabriele, il-President tal-Kamra tal-Avukati, f’kumment esprima t-tħassib tiegħu dwar l-Abbozz ta’ Liġi 217 u ddeskrivih bħala tali li jirrestrinġi l-warrant għal dawk l-Avukati li jservu esklussivament fil-Qrati tal-Ġustizzja, filwaqt li lill-pesuni l-oħra li wkoll huma gradwati fil-Liġi, il-Ministru qed isejħilhom bħala persuni li jipprovdu servizzi legali ’l barra mill-Qrati.
Hu qal li l-Avukat jingħata l-warrant biex jipprattika l-professjoni bħala għodda mhux biex jipproteġi lilu nnifsu, iżda bħala għodda li biha jipproteġi lill-klijenti u jagħtihom is-serħan il-moħħ mill-abbiltajiet tiegħu hekk kif ikun iggrawda mill-Università.
Fih innifsu l-warrant hu wkoll l-assigurazzjoni li jagħti l-Istat lill-pubbliku li jista’ jafda u jkollu l-fiduċja f’dawk il-persuni li jistgħu jservuh bħala Avukati, kemm jekk dawn jattendu u jservu fil-Qrati tal-Ġustizzja kif ukoll jekk dawn ma jservux fil-Qrati tal-Ġustizzja.
L-istess warrant hi fiha nnifisha wkoll ċertifikazzjoni li tali persuni – allura msejħa Avukati – għandhom kondotta tajba u nadifa, reputazzjoni tajba, kapaċi biex iservu fil-kamp legali b’pariri u b’difiża u li ħadu għal ammont ta’ snin taħriġ fil-kamp legali biex setgħu waslu biex iggradwaw bħala Avukati.
Barra minn hekk tali persuni huma wkoll suġġetti li kemm-il darba jiksru l-etika jew prinċipji oħrajn bażilari, jispiċċaw ikunu dixxiplinati u jkunu jistgħu jitilfu dak il-warrant li mingħajru ma jkunux awtorizzati li jippratikaw il-professjoni ta’ Avukati.
L-Avukat Louis de Gabriele kompla li dak li l-Kamra tal-Avukati tinsisti u titlob hu li l-Gvern jaħdem biex jgħolli aktar il-livell tal-professjoni bi framework regolatorju li jiggarantixxi aktar l-indipendenza tal-professjoni u jgħolli wkoll l-istandards li għandhom ikunu aktar rigorużi.
Hu qal li hu għalkollox surreali li llum il-ġurnata, fis-sena 2021, il-professjoni tkun mhedda b’Abbozz ta’ Liġi bħal dan li fi ftit kliem għandu l-iskop li jneħħi l-ħtieġa tal-warrant għal ħafna servizzi legali li biex jingħataw, sal-lum, tesiġi li dak li jkun ikollu l-warrant biex jagħtihom.
Hu qal li ma jistax jifhem kif f’April li għadda l-Gvern fil-Parlament għamel ċertu bidliet għall-kodiċi tal-proċeduri ċivili u ta’ organizzazzjoni, u issa, l-istess Gvern fil-Parlament ftit tal-ġimgħat biss wara, qed iressaq Abbozz ta’ Liġi ġdid biex ineħħi kompletament dawk il-proviżjonijiet.
Mistoqsi dwar x’jistgħu jkunu l-mottivi tal-Gvern biex iressaq tali Abbozz ta’ Liġi b’tali bidliet importanti li jheddu l-professjoni tal-Avukati, l-Avukat Louis de Gabriele qal li dik hi l-mistoqsija li qed jagħmel hu stess għaliex ma jistax jifhem x’qed iwassal lill-Gvern għal tali preżentazzjoni ta’ Abbozz ta’ Liġi u, aktar minn hekk, l-urġenza li bih qed iressaq l-istess Abbozz ta’ Liġi.
L-Avukat Louis de Gabriele temm jappella lill-Gven biex bl-ebda mod ma jimmina jew jhedded lill-professjoni tal-Avukati li qiegħda hemm biex tħares u tiddefendi lill-poplu kull meta jiġi bżonnha, kemm fil-Qrati tal-Ġustizzja kif ukoll ’il barra mill-Qrati tal-Ġustizzja.
//= $special ?>