“Mhux se jkun faċli nattiraw investimenti ġodda u investimenti attwali jistgħu jħossuhom skomdi jiffunzjonaw minn hawnhekk” – L-ekonomista Jean Paul Fabri
“Ma hux riżultat ta’ eżami sabiħ dak li akkwistat Malta nhar l-Erbgħa li għadda meta dik li hi magħrufa bħala Financial Action Task Force (FATF) poġġiet lil pajjiżna f’lista griża kaġun tan-nuqqasijiet ta’ pajjiżna fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus.
“Imma issa li rridu nagħmlu bħala pajjiż hu li l-Gvern flimkien mal-imsieħba soċjali kollha jaħdmu bis-serjetà fuq strateġija li l-iskop tagħha tkun li tpoġġi mill-ġdid lil pajjiżna fit-triq it-tajba u fit-triq li permezz tagħha pajjiżna jikseb mill-ġdid l-istima tal-pajjiżi barranin.
“Ma rridux ninsew li fin-nofs hemm l-investiment barrani li jista’ jkun attirat lejn pajjiżna imma wkoll l-investiment barrani, b’mod partikulari fis-setturi varji finanzjarji u tal-gaming, li diġà jinsabu fostna. Ħadd mhu se jidħol f’dar perikoluża u ħadd ma jieħu gost joqogħod f’dar perikoluża u għalhekk u mill-aktar fis possibbli, ilkoll kemm aħna rridu naħdmu biex innaddfu isem pajjiżna, biex f’pajjiżna nerġgħu nġibu l-istima li tixraqlu mill-fora internazzjonali u wkoll biex pajjiżna jerġa’ jterraq ‘il quddiem b’rasu mgħollija.
“Dan kollu jista’ jsir biss jekk ilkoll flimkien naħdmu bis-serjetà biex nieħdu l-passi kollha li hemm bżonn u hekk meta jasal eżami ieħor tal-Financial Action Task Force, pajjiżna jitneħħa minn din il-lista xejn sabiħa li fiha hemm pajjiżi bħall-Albania, il-Barbados, il-Botswana, il-Burkina Faso, il-Kambodja, il-Gżejjer Cayman, il-Ghana, il-Ġamajka, il-Mauritius, il-Marokk, il-Myanmar, in-Nikaragwa, il-Pakistan, il-Panama, is-Senegal, is-Sirja, l-Uganda, il-Yemen u ż-Żimbabwe.”
Dan qalu Jean Paul Fabri, ekonomista, meta ta lil il-mument il-kummenti tiegħu dwar dak li ġara nhar l-Erbgħa li għadda meta l-Financial Action Task Force poġġiet lil Malta fil-lista l-griża… sitwazzjoni mill-aktar storika hekk kif pajjiżna nstab b’nuqqasijiet strateġiċi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Għalhekk pajjiżna hu l-ewwel stat membru tal-Unjoni Ewropea li qatt tpoġġa f’din il-lista li ilha teżisti kważi 40 sena.
JP Fabri beda biex qal li: “ninsab ħafna mħasseb għaliex ir-riżultat tal-Erbgħa li għadda jaffettwa b’mod dirett u negattiv ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Iddispjaċut għaliex nemmen li tul dawn l-aħħar xhur saret ħafna ħidma biex jiddaħħlu riformi importanti u meħtieġa li fil-fatt ħareġ biċ-ċar fir-riżultat pożittiv mill-Moneyval.”
Hu qal li wara l-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru tal-2001, id-dinja globali bdiet tiffoka ferm aktar fuq il-ħasil tal-flus u dwar l-iffinanzjar tat-terroriżmu. Beda jkun hemm ferm aktar skrutinju fuq il-pajjiżi kollha bħala parti mill-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u kontra l-gruppi terroristiċi.
L-FATF hu organu dinji li jħares lejn l-integrità u s-saħħa tal-istrutturi tal-pajjiżi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu. L-eżami li sar mill-Moneyval ftit tal-ġimgħat ilu, hu organu tal-FATF li jiffoka biss fuq il-pajjiżi Ewropej.
“Ilkoll nafu bil-każijiet li ġraw fis-snin li għaddew u kif nafu Malta spiċċat fl-aħbarijiet internazzjonali mhux dejjem għal raġunijiet pożittivi. Dawn il-każijiet wasslu biex l-istrutturi u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jiġu taħt skrutinju,” qal JP Fabri.
“Mill-ewwel analiżi li saret irriżultaw numru ta’ nuqqasijiet li wasslu għall-proċess li ġie fit-tmiem tiegħu f’nofs din il-ġimgħa fejn Malta falliet minn dan l-eżami wara skrutinju li sar. Dan ma jfissirx li ma sar xejn, anzi tul l-aħħar xhur nafu, speċjalment is-settur professjonist li jaħdem fis-settur finanzjaru, iddaħħlu liġijiet u regolamenti ġodda bħala tweġiba diretta għal dawn in-nuqqasijiet li nstabu,” fisser JP Fabri.
Hu kompla li n-nuqqasijiet l-aktar li kienu ffukati kienu fuq mekkaniżmu legali kif fuq nuqqas ta’ infurzar ta’ liġiijet li jiffukaw fuq il-ħasil ta’ flus. Hu wkoll element fejn setturi partikulari kibru b’rata mgħaġġla u fejn ir-riżorsi fl-aġenziji regolatorji ma laħqux ma’ dan it-tkabbir. Għalhekk l-id tal-infurzar naqsitilha s-saħħa tagħha.
Mistoqsi jekk ir-riżultat tal-Erbgħa kienx wieħed kumbinazzjoni, JP Fabri fisser li r-riżultat ifisser kif stati membri fl-FATF ma kenux konvinti mill-progress li sar f’pajjiżna. Jista’ jkun ukoll li l-eżami min-naħa tal-FATF sar qabel ma ddaħħlu l-miżuri kollha. Għalhekk hu importanti li l-Gvern ikompli bir-ritmu tar-riformi u tat-tisħiħ tal-governanza u tal-istituzzjonijiet. Dan hu mument transitorju u għalhekk bħala pajjiż irridu niġu flimkien biex nissaħħu u nkunu f’pożizzjoni aħjar ladarba ngħaddu minn eżami ieħor bħal dan.
F’dinja globalizzata fejn in-nies u l-investiment jistgħu jiċċaqilqu faċilment minn pajjiż għall-ieħor, li jkollok reputazzjoni, immaġini u pakkett attraenti bħala pajjiż huma kollha elementi importanti biex il-pajjiż jattira n-negozju u l-investiment lejn il-pajjiż. Għalhekk ir-reputazzjoni hi ċ-ċavetta għal investiment barrani fl-ekonomija.
“B’dak li ġara nhar l-Erbgħa li għadda tnaqqset ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna f’għajnejn l-investituri barranin u allura se jkun aktar diffiċli biex nattiraw investiment ġdid lejn pajjiżna. Dak li għandna hu kmieni wisq biex tgħid x’se jiġri minnu u għalhekk il-Gvern u l-istituzzjonijiet kollha għandhom jgħinu fejn hu possibbli,” qal JP Fabri.