Lokali

Neil Agius ibiddel ir-rotta f’attentat li jikser rekord dinji

Agius se jipprova jaqsam minn Linosa lejn Malta

L-għawwiem Malti, Neil Agius ħabbar li biddel ir-rotta biex issa se jkun qed jipprova jikser rekord dinji tal-itwal għawma f’distanza bejn Linosa u Malta.

Agius qed jippjana li jitlaq mill-gżira Sqallija t-Tnejn filgħaxija u jasal Malta l-Erbgħa b’rotta li se tieħu bejn 50 u 55 siegħa mingħajr ebda waqfien nofs triq.

Hu jixtieq jikser ir-rekord tal-itwal distanza tal-għawm li bħalissa hi dik ta’ 124.4 kilometru.

Id-distanza ta’ din ir-rotta l-ġdida hi ta’ 130 kilometru filwaqt li r-rotta oriġinali bejn it-Tuneżija u Sqallija kellha distanza ta’ madwar 153 kilometru.

F’post fuq Facebook, Agius qal li kienu qed jaraw li minħabba diversi fatturi raw li r-rotta oriġinali kienet se tkun wisq diffiċli li ssir biex finalment jikser ir-rekord dinji kaġun ta’ maltemp li se jolqot iż-żona.

Madanakollu, hu qal li r-rotta l-ġdida mhix se jkollha l-isfidi tagħha jew se tkun eħfef anzi se tkun diffiċli li jaddatta mentalment għal rotta ġdida fi żmien tant qasir meta kien ilu sitt xhur jippjana għar-rotta oriġinali.

Agius se jkun qed jagħmel dan il-vjaġġ mhux biss biex jipprova jikser rekord dinji iżda wkoll biex iqajjem għarfien dwar il-plastik u l-ħmieġ fil-baħar li tant qed jagħmel ħsara lill-kreaturi marittimi. Fil-fatt, din l-għawma qed issir f’kollaborazzjoni mal-għaqda Wave of Change li tinsab fi sfida hi wkoll biex tiġbor miljun biċċa ta’ plastik mill-ibħra.