Lokali

Passiġġiera tinqabad tigdeb dwar €13,790 mhux iddikjarati qabel vjaġġ lejn Istanbul

Passiġġiera Ukrenja nqabdet b’€13,790 bi flus kontanti mhux iddikjarati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hekk kif kienet sejra lejn Istanbul.

Dan seħħ il-bieraħ meta uffiċjali tad-Dwana avviċinawha u meta ġiet mistoqsija l-ammont ta’ flus kontanti li għandha fuqha, hi wieġbet li għandha inqas minn €10,000, jiġifieri li għandha fuqha skont kemm tgħid il-liġi. Madanakollu, hi ma ġietx emnutha u saret tfittxija estenżiva fuqha, b’riżultat li kellha ferm iktar minn hekk.

Il-passiġġiera weħlet multa fil-post u tħalliet tivvjaġġa lejn Istanbul.

Skont il-liġi ta’ Malta, wieħed għandu jiddikjara flus, cheques, u deheb li l-ammont jaqbeż il-valur ta’ €10,000 qabel jivvjaġġa lejn pajjiż ieħor. Dan hu applikabbli wkoll fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.