Ladarba l-Prim Ministru jidher li ma jridx jagħżel it-triq tal-konsensus nazzjonali, se nkun jien li nisma’ lill-korpi kostitwiti u l-istakeholders kollha biex nara li jittieħdu d-deċiżjonijiet li pajjiżna għandu bżonn. Għax inutli jkollok il-Liġijiet jekk dawn ma jkunux infurzati jew ikollok politiċi li jibqgħu jagħmlu li jridu.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul intervista fuq NET FM, fejn irrefera għall-greylisting ta’ pajjiżna mill-FATF bħala aħbar li ħassbet lil ħafna nies u li lkoll ma ħadniex pjaċir biha.
Bernard Grech fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ilu s-snin jgħid b’mod ċar lill-Gvern li dak li kien qed iseħħ kien ta’ dannu għall-pajjiż. U għalkemm il-Gvern kien jaf il-verità, kellu biss l-interess li jxejjen il-kritika ħalli jibqa’ għaddej bil-pjani tiegħu li minnhom kienu qed igawdu biss il-ftit nies li ħakmu lill-Partit Laburista.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Robert Abela hu l-kontinwità ta’ dak li kien għaddej għax, minkejja r-regolamenti u l-piżijiet ġodda li daħħal fl-aħħar sena u nofs biex suppost ikun evitat il-greylisting, Robert Abela xorta baqa’ jibża’ jieħu dawk id-deċiżjonijiet li kellhom jevitaw din is-sitwazzjoni … f’konferma oħra li dak li ġara kien biss it-tort tal-Partit Laburista.
Il-ħsara kompliet issir, fosthom billi baqa’ jiddefendi l-kuntratt tal-Electrogas jew billi poġġa lil Edward Scicluna bħala l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Għaldaqstant, meta tara li Robert Abela baqa’ jonqos milli jieħu d-deċiżjonijiet serji li kellhom bżonn jittieħdu, u pajjiżna baqa’ ma kisibx lura l-kredibbiltà li kien tilef, il-Prim Ministru għandu jirrikonoxxi li wkoll għandu tort tar-riżultat li ħareġ fl-aħħar jiem.
Fid-dawl ta’ dawn l-aħħar żviluppi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li hu importanti f’dan il-mument li kulħadd jagħti sehemu. Hu għalhekk li l-Partit immexxi minnu qed jibqa’ joffri l-kredibbiltà, ladarba ma kien bl-ebda mod kisser ir-reputazzjoni tal-pajjiż.
Min-naħa l-oħra, sfortunatament, anke f’dan il-mument kritiku u diffiċli, il-Prim Ministru mhux isib il-kuraġġ li jdur lejn il-Partit Nazzjonalista biex jieħu onboard l-għajnuna ta’ kulħadd. U minkejja d-diversi appelli għal politiċi maturi u serji, il-Prim Ministru qed jagħmel bil-kontra. Tenna li min jibqa’ ma jaċċettax l-għajnuna, mhux biss hu supperv, iżda lanqas biss jinteressah li jsolvi l-problema.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bħalissa interess wieħed biss għandu jkollna: pajjiżna u x-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin, li b’xi mod jew ieħor jistgħu jintlaqtu minn riżultat bħal dan.
//= $special ?>