EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

Wieħed mill-favoriti se jkun eliminat

Żewġ timijiet li kienu fost il-favoriti li jaslu sal-aħħar fażi tal-Euro 2020 se jkunu qed jiltaqgħu kontra xulxin fil-fażi tal-aħħar 16, b’wieħed minnhom se jkun eliminat pjuttost kmieni fil-kompetizzjoni.

Il-Belġju kwalifikaw bl-aktar mod konvinċenti hekk kif rebħu Grupp B u rebħu wkoll it-tliet partiti tal-grupp. Il-qawwa fil-midfield u fl-attakk tat-tim ta’ Roberto Martinez żgur se jkun kruċjali f’din il-partita hekk kif Kevin De Bruyne, Eden Hazard u Romelu Lukaku jinsabu fl-aqwa forma għal din il-partita. Id-difensur Toby Alderweireld qal li jinsabu konxji li bħalissa Cristiano Ronaldo jinsab f’forma mill-aqwa u se jkunu qed jagħmlu minn kollox biex iwaqqfuh.

Minn naħa l-oħra l-Portugall tħabtu xi ftit biex kwalifikaw hekk kif kienu fi Grupp F, flimkien ma’ Franza, l-Ġermanja u l-Ungerija, bit-tim ta’ Fernando Santos jikkwalifika bit-tieni post. Il-captain u l-istilla Portugiża Crisitiano Ronaldo se jkun strumentali f’din il-partita hekk kif diġa kiser għadd ta’ rekords fl-ewwel fażi tat-tournament. Fernando Santos qal li dawn il-partiti huma kollha finali għaliex jekk ma tirbaħx tkun eliminat.

Fi-passat, iż-żewġ nazzjonijiet lagħbu 18-il partita kontra xulxin bil-Portugall jirbħu sitt partiti filwaqt li l-Belġju rebħu ħames konfronti, bil-partita ta’ llejla tintlagħab f’Estadio de la Cartuja fi Spanja.

Rawnd tal-aħħar 16: Belġju v Portugall 9.00pm