Lokali Saħħa

6 każijiet ġodda ta’ Covid-19

Fl-aħħar sigħat kienu rreġistrati 6 każijiet ġodda ta’ Covid-19, biex fid-dawl ta’ dawn iċ-ċifra, il-każi attivi issa telgħu għal 34. Bejn il-Ħadd u t-Tnejn ma fieq ħadd minn dan il-virus.

Il-każijiet totali mill-bidu tal-pandemija issa jlaħħqu t-30,612-il persuna, filwaqt li dawk li fiequ mill-virus huma 30,158.

L-ammont ta’ mwiet baqa’ dak ta’ 420.

Skont l-aħħar aġġornament mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, sal-Ħadd kienu kważi 311,000 il-persuna li ġew mlaqqma b’mod sħiħ.

U matul il-jum…din il-kamra tal-aħbarjiet irċeviet ukoll numru ta’ messaġġi illi kienu bosta dawk li marru biex jirċievu t-tieni doża tal-vaċċin tal-AstraZeneca, iżda huma ma setgħux jieħdu t-tilqima minħabba li ma kinux għaddew it-8 ġimgħat minn mindu ħadu l-ewwel doża. Sorsi qalulna li din il-problema nħolqot hekk kif kien intbagħtu messaġġi bid-dati żbaljati.

Intant….mit-Tnejn ir-ristoranti, il-każini, il-ħwienet tax-xorb u l-istabbilimenti tad-divertiment se jkunu jistgħu jibqgħu miftuħa sas-2am.

Minkejja dan, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jibqgħu jisħqu fuq l-imporanza li tinżamm id-distanza soċjali, filwaqt li tintlibes il-maskra fil-pubbliku, anke jekk wieħed ikun imlaqqam b’mod sħiħ għal kontra dan il-virus.

Il-maskra mbagħad tista’ tibda titneħħa mill-Ħamis, f’każ ta’ żewġ persuni mlaqqma li jkunu fuq barra flimkien.