Kanadiż ta’ 62 sena qiegħed jinżamm arrestat b’rabta ma’ importazzjoni, traffikar u pussess aggravat ta’ droga kannabis.
Ir-raġel kien arrestat nhar il-Ġimgħa mill-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga wara li ġew infurmati mid-Dipartiment tad-Dwana illi kienu waslu tliet kaxxi b’madwar tmintax-il elf sigarett b’sustanza illegali suspettata
ħaxixa tal-kannabis. Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li s-sigaretti kienu indirizzati lir-raġel, residenti s-Swieqi.
Minn tfittxijiet ulterjuri illi saru fir-residenza tiegħu fis-Swieqi nstabu aktar prodotti oħra magħmulin minn estratti tal-kannabis kif ukoll ammont ieħor ta’ sigaretti simili għal dawk illi waslu bil-posta.
Rigward dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea. Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti aktar tard illum għall-ħabta tal-10.00am akkużat b’importazzjoni, traffikar u pussess aggravat ta’ droga kannabis.
Il-Prosekuzzjoni se titmexxa mill-Ispetturi Alfredo Mangion u Justine Grech.
//= $special ?>