Il-Prim Ministru Awstraljan Scott Morrison iltaqa’ mal-mexxejja nazzjonali għal sensiela ta’ taħditiet ta’ emerġenza dwar l-aħjar mod kif għandhom jikkonfrontaw żieda jew ‘spike’ fl-infezzjonijiet bil-Covid-19 fuq bażi nazzjonali.
Dan waqt li inċidenza ta’ infezzjonijiet marbutin mal-varjant ‘Delta’ ( li tittieħed malajr ħafna) żdiedet għal 128 każ – bl-infezzjonijiet ikunu anki reġistrati fl-Istati ta’ Northern Territory, Queensland u Western Australia.
L-uffiċjali qed jgħidu li dawn iż-żmenijiet huma ‘kritiċi’ wara li l-Awstralja żammet in-numri tal-infezzjonijiet pjuttost baxxi bl-għeluq tal-fruntieri u permezz ta’ diversi lockdowns.
Intant, il-laqgħat ta’ Morrison mal-mexxejja nazzjonali kunsidraw miżuri bħal programmi tat-tilqim ‘ta’ bilfors’ għall-ħaddiema fid-djar u l-kumplessi għal persuni anzjani u nies bi bżonnijiet speċjali. Kapaċi wkoll li fl-Awstralja jkunu introdotti regoli ġodda ta’ kwarantina għall-ġejjieni.
Din hi l-ewwel darba f’xhur li l-każi tal-coronavirus feġġew fl-istess ħin f’diversi partijiet tal-pajjiż u kelliema qrib ir-Response Committee għall-Covid-19 qalu li qed jidher li l-pajjiż dieħel fil-fażi ġdida tal-pandemija li fiha qed jispikka l-varjant ‘Delta’.
L-eskalazzjoni tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 wasslu għal-lockdowns fl-ibliet ta’ Sydney u Darwin, waqt li l-awtoritajiet f’erba’ Stati Awstraljani qegħdin jimplimentaw lockdowns bħala miżuri ta’ sigurtà ‘effettivi’.
Is-sitwazzjoni baqgħet l-aktar inkwetanti f’Sydney, fejn madwar ħames miljun residenti huma suġġetti għal direttiva biex ma joħorġux mid-dar.Dan ukoll waqt li l-Gvern tal-Istat ta’ New South Wales qed jespandi l-lockdown li issa qed ikopri r-reġjun kollu ta’ Greater Sydney, iz-zona tal-Blue Mountains, l-inħawi ta’ Central Coast u Wollongong.
Sadanittant, tħassru numru kbir ta’ attivitjiet pubbliċi – b’numru enormi ta’ stabbilimenti u negozji jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom minħabba s-sitwazzjoni.
Il-Prim Ministru ta’ New South Wales, Gladys Berejiklian irrappurtat 18-il każ ġdid tal-Covid-19 u wara li madwar 60,000 ċittadin kienu ġew suġġetti għat-testijiet matul l-24 siegħa preċedenti.
Fl-istess ħin, il-pronostiku għal dan l-Istat ma jidhirx wieħed inkoraġġanti u hemm kull possibbiltà ta’ spikes ġodda fl-infezzjonijiet lokalizzati matul il-ġranet li ġejjin.
Gladys Berejiklian qalet li r-residenti ta’ New South Wales iridu jkunu lesti għal sitwazzjoni ‘fejn il-każi ( ta’ infezzjoni) jisparaw ‘il fuq b’mod konsiderevoli’ minħabba l-varjant ‘Delta’. Intant, hi wissiet li kważi mija-fil-mija tat-trasmissjonijiet ta’ dan il-varjant qegħdin isiru ‘fi ħdan il-familji’.
//= $special ?>