Toni Bezzina, PN
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina appella biex il-Gvern jgħin lill-kmamar tan-nar li għaddejjin minn perjodi diffiċli minħabba l-pandemija.
Fl-Aġġornament tal-parlament llejla Toni Bezzina qal li l-qofol tal-festi hi l-piroteknika li hi parti integrali mill-folklor fil-pajjiż. Dan ix-xogħol isir minn mijiet ta’ volontarji u jitgawda inn mijit ta eluf ta’ dilettanti.
Hu sostna li tul is-sajf dawn huma kontribut qawwi għall-ekonomija tal-pajjiż iżda l-pandemija COVID laqtet ħażin lil din l-arti għax qed ikun diffiċli li jinġabru l-flus biex isir in-nar.
F’kull festa jintefqu madwar €60,000 kull sena għal f’piroteknika; dawn jinġabru minn attivitajiet soċjali li ma sarux tul il-pandemija. Għalhekk il-Gvern għandu jgħin anki b’mod dirett, appella Toni Bezzina, li qal li kull sena l-Gern qed jagħti €5,000 għas-sigurtà fil-kmamar tan-nar. Il-logħob tan-nar hu riklam għall-pajjiż u għalhekk għandu jkun mgħejjun għaliex din hi niċċa oħra ta’ turiżmu.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti garanziji li f’kull raħal jibqa jkollu minn fejn jinħaraq. Dan minħabba li l-bini qed jiżdied u għalhekk iż-żona minn fejn jinħaraq in-nar qed tkun ristretta dejjem iktar.
Hu appella wkoll lill-Gvern biex in-nies jitħallew madwar l-imwejjed fil-pjazez fil-festi skont ir-regoli tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Id-deputat Nazzonjalista qal li għandu jingħata lok fejn id-dilettanti taż-żwiemel li jsuqu barra l-korsa tal-Marsa jkollhom spazju fejn isuqu f’toroq li fihom ma jkunx hemm traffiku f’ħinijiet partikolari u diċenti u meta ma jkunx hemm sħana kbira. Dan bla ma jkun effettwat it-traffiku u tkun assigurata s-saħħa taż-żwiemel u ta’ dawk li jaraw it-tiġrijiet.
Hu tkellem dwar it-toroq u qal li fin-naħa t’isfel ta’ Malta hemm xogħolijiet li qed isiru fl-istes sħin. Fir-rigward tad-dawl fil-mina fiż-żona s-sitwazzjoni marret għall-agħar għaliex id-dawl fil-fatt naqas. Jidher ċar li hemm nuqqas ta’ pjan b’xogħolijiet fir-roundabout tal-ajruport li qed jikkaġunaw trabijiet għat-turisti li jaslu u jitilqu minn Malta.
Intant, fi tmiem l-intervent tiegħu fil-Parlament, id-deputat Toni Bezzina sellem il-memorja ta’ Pietru Pawl Busuttil. Hu miet 4 snin ilu fl-eta’ ta’ 74 sena.
Minkejja li kien vittma ta’ frame-up politiku, Pietru Pawl Busuttil dejjem baqa’ sod u dinjituż. Pietru Pawl jibqa’ mniżżel fl-istorja bħala simbolu tal-ġlieda għad-demokrazija, il-ġustizzja u l-libertà f’pajjiżna.
Pietru Pawl Busuttil kien l-ewwel Sindku f’Ħal Safi għal 18-il sena sħaħ.
