L-Istati Uniti wettqet numru ta’ attakki mill-ajru kontra l-milizji li qed jingħataw l-appoġġ mill-Iran u li għandhom il-bażijiet fit-territorji mal-fruntiera tal-Iraq u s-Sirja. L-azzjoni kienet tweġiba għall-aħħar attakki bid-drones fuq il-qawwiet Amerikani fl-Iraq — u l-Pentagon f’Washington qal li l-attakki kienu mirati għal ‘faċilitajiet fejn jinżammu l-armamenti’ fi tliet lokalitajiet.
Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, għamilha ċara li se jieħu kull azzjoni biex jipproteġi lill-membri tas-servizzi Amerikani f’dawn iz-zoni.
Intant alleanza b’saħħitha ta’ milizji Iraqin bl-isem il-Qawwiet għal Mobilizzazzjoni Popolari qalet li nqatlu numru ta’ membri tagħha fl-attakki mill-ajru waqt li qed thedded li tirritalja minn ħin għal ieħor.
Bħalissa hemm mal-2,500 truppi Amerikani fl-Iraq bħala parti minn koalizzjoni globali li qed tappoġġja lill-qawwiet lokali fil-ġlieda kontra t-terroristi tal-grupp ISIS. L-Amerikani, intant, qed jgħidu li saru diversi attakki bid-drones kontra l-faċilitajiet tagħhom u li s-servizzi militari Amerikani fl-Iraq spiċċaw ukoll mira ta’ rokits sparati mill-milizji.
L-Iraq, iżda, ikkundanna l-azzjoni mill-ajru tal-Amerikani bħala abbuż ċar tas-sovranità Iraqija u ‘azzjoni inaċċettabbli kontra s-sigurtà nazzjonali tal-Iraq’
Intant, l-Iran ukoll ikkundanna l-attakki, b’kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Tehran iwissu biex l-Istati Uniti żżomm lura minn azzjonijiet ‘li qed joħolqu kriżi u tensjoni minbarra li qegħdin anki jimmultiplikaw il-problemi għar-residenti fir-reġjun.’
Il-media Sirjana rappurtat dwar ‘il-qtil ta’ tfajjel’ f’wieħed mill-attakki tal-qawwiet Amerikani qrib il-fruntiera tas-Sirja mal-Iraq u fl-istess ħin akkużat lill-Istati Uniti b’li qed tipprova ttellef l-isforzi lejn titjib tal-istabbilità f’dik iz-zona.
//= $special ?>