Lokali

“Ingħatajna fama li qatt ma kellna qabel” – Repubblika

Malta ingħatat fama li qatt ma kellha qabel.. b’aħbarijiet skandalużi u xokkanti li ħammġu isem pajjiżna mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Stqarr dan Robert Aquilina, President tal-ghaqda mhux governattiva Repubblika waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret it-Tnejn filgħodu quddiem Kastilja.

Aquilina qal illi għal dawn l-istess skandli, dsatax-il xahar ilu għexieren ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin għal gimghat sħaħ niżlu fit-toroq ta’ pajjiżna fi protesti kontinwi …u keċċew  lill-Joseph Muscat. U propju.. kien dan li fetaħ il-bieb biex Robert Abela sar Prim Ministru.

Repubblika saħqet li  minkejja li Robert Abela jghid li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qed jaħdmu,  jekk il-poplu Malti kellu bżonn prova ulterjuri ta’ kemm l-istituzzjonijiet f’pajjiżna jalternaw bejn li jkunu iċċassati u li jidħlu kompliċi mal-ħażin, il-prova waslet fil-forma ta’ silenzju assolut għall-aħbar tal-grey listing innifisha minn istituzzjonijiet Maltin bħall-Bank Ċentrali u l-MFSA. Dawk li bil-liġi suppost huma awtonomi u għassiesa f’isimna, u fl-interess tagħna ċ-ċittadini, għal darb’oħra baqgħu ċassi.

Il-President ta’ Repubblika saħaq li l-organizzazjoni  ma jinteressahix aktar mit-tentattivi patetiċi ta’ Robert Abela u minn biex jippruvaw ibellugħha lill-poplu li huma responsabbli biss ta’ dak li ġara minn Jannar tal-2020 ’il quddiem.

Fil-verita’, huma responsabbli kollettivament ta’ għemil il-gvernijiet ta’ Joseph Muscat, għax huma jew kienu parti intergrali minn dawk il-gvernijiet jew sostnewhom bla ebda riżerva bil-vot tagħhom fil-Parlament u bid-diskorsi tagħhom fil-pubbliku… waqt li kienu qed iwettqu l-oxxenitajiet.

Aquilina saħaq li l-Gvern ta’ Robert Abela ħati daqs Joseph Muscat, daqs Konrad Mizzi, daqs Keith Schembri u daqs Edward Scicluna.