Lokali Parlament

Kulħadd hu tellief minn din is-sitwazzjoni

Kritsy Debono, PN

Id-deputat Nazzjonalista Kristy Debono qalet li l-greylisting ta’ Malta ġab diffikultajiet kbar f’sitwazzjoni li fiha kulħadd hu tellief u ħadd mhu rebbieħ.

Fil-parlament hi qalet li suppost l-parlament qed jiddiskuti mozzjoni teknika mressqa mill-Gvern sbiex jiżdied is-self Governattiv b’€1 biljun; id-doppju ta’ dak li kien previst u wara li d-deficit ukoll irdoppja minn tlett kwarti ta’ biljun Ewro kif kien ħabbar li se jkun, dak iż-żmien il-Ministru Edward Scicluna, għal €1.5 biljun.

Kemm kienet umiljanti u ta’ għafsa ta’ qalb tisma lill-President tal-FATF Marcus Pleyer, jindirizza l-konferenza stampa, billi jgħid li l-Ghana għamlet progress kbir u mil-lista l-griża issa se jitneħħew, isemmi l-progress ta’ pajjiżi bħall-Mauritius u l-Pakistan li żgur qatt ma kienu xi pajjiżi role models imbagħad isemmi lil Malta u jgħid li flimkien ma’ tlett pajjizi oħra li huma Haiti, l-Filippini u s-South Sudan se nispiċċaw fil-lista l-griża.

Ilum ninsabu f’sitwazzjoni fejn ħadd mhu rebbieħ u kulħadd hu tellief. Il-PN bil-provi qed juri kemm hu preparat biex ikunu Gvern alternattiv.

Konvinti li s-serjetà u l-maturità politika hekk titlob. Inħarsu ‘l quddiem però żgur li ma tfissirx lanqas, kif prova jagħmel il-Gvern u kif fil-fatt ġie mwiddeb mill-President tal-FATF ‘that Government should not downplay’ is-serjetà ta’ xi tfisser li pajjiżna spiċċa fil-lista l-griża u żgur lanqas ma tfisser li peress li pajjiżna ġie greylisted issa għandna xi opportunità. L-unika opportunità hi dik mitlufa; iva tlifna opportunità li hekk kif ħerġin mill-pandemija tal-COVID19, wara tant u tant sagrifiċċji, minflok qed niffokaw fuq l-irkupru tal-ekomomija ta’ pajjiżna, l-prijorità urġenti żgur li hi, li pajjizna tohrog mil-lista l-griża mill-aktar fis possibli biex il-kontroll tal-ħsara tkun mill-aktar effettiva.

L-appell lill-Gvern; ejjew naħdmu flimkien, ejjew inkunu vuċi waħda għal dan il-ghan, flimkien mal-imsieħba soċjali u l-istake holders, flimkien mal-professjonisti fl-industrija li jafu li l-impatt fuqhom ikun ferm aktar immedjat, wara xhur twal ta’ sagrifiċċji biex iħallsu l-prezz ta’ min ħammeġ ir-reputazzjoni tas-settur u tal-pajjiż.

Il-Gvern jeħtieg li jkun ferm aktar trasparenti u jikkomunika sew u ta’ spiss mhux biss mal-Oppożizzjoni però anke mal-istakeholders kollha konċernati u mas-settur privat. L-inċertezza u l-instabbiltà huma ostakli kbar għall-ippjanar ta’ kull negozju u ta’ industriji sħaħ.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ l-id tal-ħbiberija biex naħdmu flimkien fuq dan il-każ, xhur qabel ma ħareġ ir-riżultat tal-FATF, sostniet id-deputat Nazzjonalista.