Bl-eliminazzjoni tal-Portugall mill-Euro 2020, wara t-telfa tal-lejla kontra l-Belġju fl-istadju tal-aħħar 16-il tim tal-kompetizzjoni, Romelu Lukaku għandu l-opportunitá li jilħaq u saħansitra jissupera lil Cristiano Ronaldo, fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers f’din l-edizzjoni. Illum, iż-żewġ plejers ma rrnexxilhomx jiskorjaw, hekk kif iż-żewġ kowċis rispettivi ħasbu f’markatura speċifika u diretta li f’ħafna mill-ħin tal-partita, annullat liż-żewġ plejers rispettivi. Madankollu gowl mill-isbaħ ta’ Thorgan Hazard, tliet minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, għamel id-differenza kollha fir-riżultat finali u wassal biex il-Belġju eliminaw liċ-champions Ewropej tal-aħħar edizzjoni.
Sa qabel din il-partita, Ronaldo kien qed ikollu Kampjonati Ewropej mill-aqwa, tant li fil-fażi tal-gruppi skorja xejn inqas minn ħames darbiet. L-istess jista’ jingħad għal Lukaku li fl-ewwel tliet partiti tal-Euro 2020, skorja tliet darbiet. Bil-Portugall ta’ Ronaldo eliminati minn din il-kompetizzjoni, Lukaku qed jittama li hu, flimkien ma’ sħabu jibqgħu javvanzaw ‘il quddiem f’din l-edizzjoni tal-Euro, u fuq livell personali jirnexxilu jirbaħ l-unur prestiġjuż tal-aqwa skorer tal-Euro.
Id-diżappunt f’wiċċ Ronaldo fit-tmiem tal-partita kontra l-Belġju kien evidenti, anke għaliex il-Portugiż ta’ Juventus, illejla tilef iċ-ċans li jikser ir-rekord tal-eks plejer internazzjonali tal-Iran, Ali Daei li mat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, bejn l-1993 u l-2006 skorja xejn inqas minn 109 gowls f’149 partita internazzjonali. Ronaldo diġa laħaq dan l-ammont ta’ gowls ta’ Daei, f’179 partita internazzjonali li hu lagħab sal-lum mal-Portugall, iżda l-ambizzjoni tiegħu hi li b’gowl wieħed biss, jissupera dan l-ammont u jsir l-aktar plejer internazzjonali ta’ kull żmien li skorja gowls għat-tim nazzjonali ta’ pajjiżu, minn fost il-pajjiżi kollha tad-dinja.
Probabilment Ronaldo se jkollu ċ-ċans jilħaq dan l-għan, iżda żgur li mhux se jagħmel dan matul din il-Euro, kif x’aktarx kien qed jittama, wara li matul dan it-turnament diġa’ laħaq tragward importanti, meta sar l-aqwa skorer ta’ kull żmien f’din il-kompetizzjoni. Ronaldo, li għalaq 36 sena fi Frar li għadda, skorja total ta’ 14-il gowl fl-edizzjonijiet kollha li lagħab tal-Euro, u llum jaf kienet l-aħħar logħba tiegħu f’din il-kompetizzjoni, kemm il-darba tliet snin oħra, ma jkunx qed jerġa’ jilgħab ma’ pajjiżu fil-fażi finali tal-Kampjonati Ewropej, fl-etá ta’ 39 sena.
Lukaku, li dan l-istaġun fis-Serie A ma’ Inter, tilef il-battalja diretta ma’ Ronaldo, dik li jispiċċa l-ewwel fil-klassifika tal-aqwa skorers tal-Kampjonat Taljan, issa għandu objettiv li mit-tieni post preżenti f’din il-klassifika ta’ skorers fil-Euro 2020, jiskorja tliet gowls oħra biex ikun laħaq u issupera lill-Portugiż, bħala l-aktar plejer f’din l-edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej li skorja gowls.
Interessanti l-fatt li jekk l-Belġju ta’ Lukaku jibqgħu javvanzaw sal-finali tal-Euro 2020, u Lukaku jkun lagħab fit-tliet partiti tat-tim tiegħu, allura, il-finali tkun partita numru 100 għal Lukaku mat-tim nazzjonali Belġjan. Sal-lum, l-attakkant ta’ Inter, lagħab 97 partita u skorja 63 gowl.
//= $special ?>