Lokali Parlament

Ma naċċettawx li n-Naxxar jitlef il-karattru tiegħu

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal fil-parlament llejla li n-Naxxar qed jitlef il-karattru tiegħu għaliex hemm min qed jhedded lil dan il-lokal propju fiż-żona tat-Trade Fair fejn se jsir proġett li dwaru għandhom ma sarux l-istudji neċessarji fil-bini ta’ numru kbir ta’ appartamenti.

Fl-Aġġornament tal-parlament hu appella biex l-awtoritajiet ma jkunux kompliċi u sostna li għandu jkun hemm rispett lejn din il-komunità. Hu qal li fl-2011 kien hemm żona fil-lokal li fiha l-Gvern Nazzjonalista kien qed jippjana proġett sportiv fejn it-tfal Naxxarin setgħu jipprattikaw l-isport.

Dakinhar kien sar avviż legali u riżoluzzjoni b’kuntratt iffirmat mill-President tan-Naxxar Lions FC u l-Kunsill Malti għall-Isport biex Naxxar Lions FC ikollhom ground tal-football.

Minkejja li kien hemm min li qal lin-Naxxarin li kien se jtiehom ground ieħor ikbar minn dak li tahom Gvern Nazzjonalista iżda wara disa’ snin Naxxar Lions għadhom bla ground tal-football. L-MFA kienet anki kkomettiet €400,000 għal Naxxar Lions biex ttwettaq din il-ħolma.

Robert Cutajar qal li kien hemm min inganna lill-komunità tan-Naxxar u sostna li ħadd m’għandu dritt li jtella’ bini għoli f’dik iż-żona. Hu semma’ t-Triq tal-Kosta u sostna li mill-Magħtab qed jerġgħu joħorġu l-irwejjaħ. Il-Gvern iddeċieda wkoll li jagħmel erba’ impjanti fiż-żona fi proġett ivvizzjat li fih il-Gvern abbanduna lir-residenti tan-Naxxar u taż-żona.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Gvern se jagħmel inċineratur ferm ikbar minn dak li għandu bżonn il-pajjiż. Lil min irid jaġevola l-Gvern? Hu qal li se jitlob biex dak li għadda mill-Kumitat tal-Petizzjonijiet jerġa’ jitla’ fuq l-aġenda b’rabta mat-teħid ta’ art fiż-żona tal-Magħtab. Ħadd m’għandu dritt li jabbuża mill-policies talAwtorità tal-Ippjanar biex jibqa’ jimla l-pajjiż bil-konkos, inkluż in-Naxxar, sostna Robert Cutajar.