Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Malta kellha żieda fl-Early School Leavers, it-tieni l-aktar rata għolja fl-UE

Il-persentaġġ ta’ early school leavers f’pajjizna huwa fost l-aktar għoli fl-Unjoni Ewropea. Dan ħareġ mill-aħħar stħarriġ tal-Eurostat li indika li Malta għandha 16.7% ta’ studenti li jħallu s-sistema edukattiva kmieni. Din hija t-tieni l-aktar rata għolja fl-UE, wara Spanja.

Wara Malta, hemm ir-Rumanija li għandhom persentaġġ aħjar minn pajjiżna bi 15.6% u l-Bulgarija bi 12.8%.

Madwar l-Unjoni Ewropea, ir-rata tal-early school leavers naqset; l-oppost ta’ dak li qed jiġri f’Malta.

Ir-rata tal-early school leavers qed titkejjel bejn l-etajiet ta’ 18 u 24 sena.

Il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea għandhom mira li sas-sena 2030, kull pajjiż ikollu rata ta’ 9% jew anqas f’dak li ghandu x’jaqsam ma’ early school leavers. Sa issa 18-il pajjiż membru diġà laħqu dan it-tragward fejn fosthom hemm il-Kroazja, l-Estonja u l-Latvja.

Aħbar pożittiva hi li Malta telgħat żewġ postijiet f’dawk li qed ikomplu l-istudji terzjarji, b’Malta titla’ minn 26% għal 40%. Mill-istħarriġ li sar, Malta tinsab fid-9 post mill-aħħar u fl-Unjoni kien hemm żieda fir-rata medja b’7%. Mill-Eurostat ħareġ ukoll li kien hemm żieda fil-gender gap bejn dawk li jkomplu jistudjaw l-edukazzjoni terzjarja b’żieda għal 9% bejn in-nisa u l-irġiel. Fl-2011, id-differenza kienet ta’ 2.4%.