Lokali

M’għandha ssir l-ebda bidla bl-għaġla dwar il-professjoni legali

“Il-Partit Nazzjonalista jawgura li l-Gvern jagħmel pawsa ta’ riflessjoni qabel ma jressaq għall-istadju ta’ kumitat l-abbozz ta’ liġi dwar il-Professjoni Legali.”

Kien dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, Joseph Ellis u l-Whip tal-Grupp Parlamentari, Robert Cutajar f’isem il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tkompli li diġà huwa fatt serju illi l-gvern ressaq dan l-abbozz ftit ġimgħat biss wara li l-Parlament kien għadu kemm approva liġi ġdida dwar il-Professjoni Legali. Mingħajr ma ta l-ebda spjega jew ġustifikazzjoni, ftit ġimgħat biss wara li għaddiet din il-liġi, il-Ministru Zammit Lewis ried iħott partijiet importanti minnha. Dan għamlu mingħajr ma kkonsulta lill-partijiet interessati, liema konsultazzjoni hija meħtieġa bil-liġi.

Huma qalu li l-Ministru Zammit Lewis ma spjegax għala wara biss ftit ġimgħat, deherlu li għandu jillimita l-warrant għal min jippratika l-qorti biss u issa jrid joħloq klassi ġdida ta’ min jippratika l-liġi li ma jkollux għalfejn igħaddi mill-għarbiel li min japplika għall-warrant irid igħaddi minnu.

Saħqu li l-anqas spjega għala issa jrid ineħħi l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ta’ ditti legali illi l-liġi bdiet timponi mill-20 ta’ April li għadda.

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jħoss illi hu fl-interess tal-professjoni legali u tas-soċjetà in ġenerali illi l-gvern ma jagħmel l-ebda bidla bl-għaġla, jikkonsulta ma’ min għandu interess u jbiddel il-liġi fejn hu strettament meħtieġ biss.
L-Oppożizzjoni hi lesta li tagħti sehemha f’dan l-eżerċizzju fl-interess kollettiv.