L-Awstralja fil-preżent qed tiffaċċja l-isfidi mill-aktar impenjattivi biex trażżan iċ-ċirkolazzjoni allarmanti tal-varjanti tal-coronavirus – bis-sitwazzjoni qed tiżviluppa xhur wara li l-virus kien kważi eliminat mit-territorji tagħha.
Fil-fatt, l-Awstralja qed tiġġieled kontra l-varjant f’ħames mit-tmien Stati u territorji tagħha, ġimgħatejn biss wara li feġġet l-ewwel infezzjoni f’Sydney.
Fl-aħħar sigħat, l-awtoritajiet fl-Awstralja rappurtaw żieda żgħira fl-infezzjonijiet bil-Covid-19, bl-uffiċjali fid-diversi Stati qed inaqqsu l-movimenti tan-nies fost pressjoni għal aktar programmi ta’ tilqim minħabba l-varjant tad-Delta li kapaċi jinfetta lin-nies aktar malajr mill-versjonijiet preċedenti tal-coronavirus.
Hemm inkwiet li l-varjant inkwistjoni – li nstab għall-ewwel darba fl-Indja – kapaċi javvanza bil-kbir l-impatt tal-pandemija u jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ aktar lockdowns. Fil-fatt, diġà hemm lockdowns effettivi fi tlett ibliet kbar tal-Awstralja, fost id-direttivi tas-sigurtà li qed jaffettwaw ‘il fuq minn 20 miljun Awstraljan – jew xi 80 fil-mija tal-poplu.
L-Istat ta’ Northern Queensland, mit-Tlieta bil-lejl, beda jimponi stat ta’ lockdown effettiv għal tlett ijiem fil-belt ta’ Brisbane u r-reġjuni ġirien. Intant, il-belt ta’ Perth – il-kapitali tal-Istat ta’ Western Australia – għaddejja minn lockdown ta’ erbat ijiem, l-istess bħall-ibliet ta’ Sydney u Darwin.
Fil-fatt, il-belt ta’ Sydney – fejn jgħixu mal-20 fil-mija tal-poplu Awstraljan – tinsab f’lockdown ta’ ġimgħatejn sad-9 ta’ Lulju u meta l-infezzjonijiet fl-istess belt issa qabżu l-150. Fl-istess ħin, direttiva ta’ ‘stay-home’ fil-belt ta’ Darwin kienet estiża bi 72 siegħa għal nhar il-Ġimgħa.
Min-naħa tagħha, Annastacia Palaszczuk, il-Prim Ministru ta’ Queensland li qed jirrapporta dejjem aktar każi ġodda tal-varjant, wissiet dwar ‘it-theddida reali u l-ħtieġa li l-awtoritajiet jieħdu l-miżuri tas-sigurtà mill-aktar fis.
Sadanittant, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-pajjiżi mħsieħba fil-G20 (l-akbar għoxrin ekonomija tad-dinja) iltaqgħu għall-ewwel darba f’sentejn — bl-Italja, fejn saret il-laqgħa, tipprova tixpruna s-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi globali bħall-firxa tal-Covid-19.
Il-laqgħa qed issir fl-inħawi ta’ Matera u fejn kien intiż li s-soluzzjonijiet jinstabu fuq bażi multilaterali. Intant, il-pajjiżi tal-G20 irtiraw kważi nofs mir-restrizzjonijiet għall-kummerċ li kienu introduċew bħala reazzjoni għall-pandemija – b’dan il-pass ikun ikkonfermat minn rapport tal-Organizzazzjoni Kummerċjali Dinjija (WTO).
//= $special ?>