EURO 2020 Futbol Sport Stadju Finali

Dubju dwar Mason Mount u Ben Chilwell għall-Ingilterra

Il-players Mason Mount u Ben Chilwell huma dubjużi jekk humiex se jkunu nklużi fl-iskwadra tal-Ingilterra fil-partita mir-rawnd tal-aħħar sittax kontra l-Ġermanja. Dan wara li ż-żewġ players kienu f’kuntatt dirett mal-player tal-Iskozja Bill Gilmour li rriżulta pożittiv għall-Covid-19. Din il-partita se tintlagħab f’Wembley Stadium, bit-tim li javvanza jilgħab kontra l-Iżvezja u l-Ukrajna.

Għal din il-partita, għall-Ġermanja wkoll se jkunu dubjużi l-players Antonio Rudiger u Ikay Gundogan li minkejja li vjaġġaw mat-tim xorta huma dubjużi għal Joachim Low.

L-Ingilterra kwalifikaw għal din il-fażi wara li temmew l-ewwel fi Grupp D, fejn fi tliet partiti ma sofrew l-ebda gowl u skorjaw darbtejn. Minn naħa l-oħra l-Ġermanja tħabtu xi ftit minkejja li kwalifikaw bit-tieni post minn Grupp F hekk kif wara li tilfu l-ewwel partita kontra Franza, rebħu lill-Portugall u temmew fi draw kontra l-Ungerija.

Fil-passat l-Ingilterra rebħu 13-il partita filwaqt li l-Ġermanja rebħu 15 b’erba’ partiti jintemmu fi draw. Din se tkun l-ewwel partita kompetittiva sa mit-Tazza tad-Dinja tal-2010 fejn dakinhar il-Ġermanja kienu kwalifikaw b’rebħa ta’ 4-1 fuq l-Ingilterra, fejn fost l-oħrajn l-Ingilterra kellhom gowl ta’ Frank Lampard li ma ngħatax.

Rawnd tal-Aħħar Sittax: Ingilterra v Ġermanja 6.00pm