Għat-tieni sena konsekuttiva, il-Ġonna tal-Buskett baqgħu mneżżgħin mit-tiżjin u mill-festivitajiet tradizzjonalment huma marbutin mal-Festa tal-Imnarja … waħda mill-eqdem Festi li għadhom jiġu ċċelebrati fil-Gżejjer Maltin.
Dan hekk kif – kawża tal-pandemija tal-Covid-19 – għadhom mhux qed jiġu organizzati attivitajiet pubbliċi jekk mhux fi spazju ristrett. Għaldaqstant, ħafna se jkollhom jerġgħu jistennew għal sena oħra biex jesperjenzaw din il-Festa tradizzjonali fil-Buskett, qalb mużika tradizzjonali, ikel u divertiment varju.
Iżda minħabba li l-Festa din is-sena nzertat it-Tlieta, ħafna ħadu l-okkażjoni ta’ tmiem il-ġimgħa twil għal waqfa qasira mir-rutina ta-soltu.
F’din il-Festa, il-Knisja Kattolika tikkommemora l-martirju tal-ewwel Papa u ta’ Missier Malta Katolika … Festa li bdiet tiġi ċċelebrata f’pajjiżna minn qabel żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann. Għal din l-okkażjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa Pontifikali fil-Katidral tal-Imdina, assistit mill-Kapitlu Metropolitan, fejn insista li fil-Festa Solenni ta’ San Pietru u San Pawl, għandna nitolbu għall-ħarsa ta’ ħniena ta’ Ġesù Kristu … ħarsa li timlina kuraġġ.
//= $special ?>