Internazzjonali

Greċja: Jirkupraw pittura rari ta’ Pablo Picasso

Instabet pittura rari u importanti tal-artist leġġendarju Pablo Picasso u li kienet misruqa disa’ snin ilu minn kriminali li kkonċentraw l-attivitajiet tagħhom fuq il-Gallerija Nazzjonali ta’ Ateni.

Intant, il-pulizija qalu li raġel ta’ 49 sena li jaħdem fis-settur tal-kostruzzjoni spiċċa arrestat b’konnessjoni mas-serqa (fl-2012) tal-pittura Head of a Woman – kif ukoll dwar is-serqa ta’ xogħol ieħor tal-artist Olandiż Piet Mondrian.

Inizjalment, il-pulizija kienet qed tinvestiga ‘żewġ irġiel partikulari’ b’konnessjoni mar-rejd tal-kriminali  fuq il-Gallerija tal-Arti ta’ Ateni.

Dan meta l-pittura ta’ Picasso u l-pittura l-oħra kienu tneħħew mill-gwarniċi tagħhom waqt is-serqa li kienet konkluża f’seba’ minuti biss.

Sar magħruf, issa, li l-ħallelin, dakinar, kienu serqu anki pittura tal-artist Taljan Guglielmo Caccia li kien jgħix fis-seklu sittax – iżda jidher li din il-pittura ‘saritilha l-ħsara’ bil-ħallelin ‘jiddisponu minnha f’post fejn ħadd ma jista’ jirkupraha’.