Lokali

Il-prezzijiet tal-ikel 12% ogħla mill-medja fl-UE

Il-prezzijiet tal-ikel f’Malta tul l-2020 kienu 12.2 fil-mija ogħla mill-medja tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea.

Dan joħroġ minn statistika maħruġa mill-Eurostat.

Skont dawn iċ-ċifri, l-ogħla prezzijiet kienu fid-Danimarka bi kważi 30 fil-mija ogħla mill-medja filwaqt li l-orħos huma fir-Rumanija fejn l-ikel hu kważi 35 fil-mija orħos mill-medja Ewropea.

Tqabbil importanti ieħor hu dak mal-paga minima. Il-paga minima f’Malta hi ta’ €777 fix-xahar. F’pajjiżi fejn il-paga minima hi simili għal dik ta’ Malta, il-prezz tal-ikel hu ferm orħos. Fil-fatt, il-paga minima fil-Portugall hi ta’ €741 fix-xahar iżda l-prezz tal-ikel hu 4 fil-mija orħos mill-medja Ewropea.

L-istess fil-Greċja, fejn il-paga minima hi ta’ €758 fix-xahar u l-ikel hu biss 2 fil-mija ogħla mill-medja Ewropea, meta mqabbel mat-12 fil-mija tal-prezzijiet f’Malta.

Il-prezzijiet tal-għamara u oġġetti tad-dar f’Malta huma t-tieni l-ogħla fl-UE bi 17.5 fil-mija oghla mill-medja Ewropea.

L-istess għall-prezzijiet tal-komunikazzjoni li jinkludu telefon, internet u servizzi postali huma 18.7 fil-mija ogħla mill-medja.

Min-naħa l-oħra, prezzijiet marbuta mal-housing f’Malta huma madwar 40 fil-mija orħos mill-medja filwaqt li prezzijiet fir-ristoranti u t-trasport pubbliku huma 11.5 fil-mija u 24 fil-mija orħos mill-medja rispettivament. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ trasport privat bħal karozzi, muturi u roti, kif ukoll ħwejjeġ u żraben il-prezzijiet f’Malta huma mal-medja Ewropea b’0.3 u 0.5 ogħla mill-medja tal-pajjiżi tal-UE rispettivament.