Raġel ta’ 40 sena minn Bormla inżamm arrestat wara li tressaq quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud mixli li fis-17 ta’ Ġunju li għadda f’Santa Luċia wettaq serqa minn residenza ta’ anzjana ta’ 85 sena, li mmolestaha u li anke mmolesta anzjana oħra ta’ 83 sena.
Chris Farrugia, li tressaq mill-Ispettur Paul Camilleri li għall-ħabta tas-2.00pm. minn Triq Inez Soler seraq l-ammont ta’ 200 ewro u li aktar tard immolesta lill-allegata vittma fl-istess triq u għamel l-istess fuq l-anjana l-oħra għall-ħabta tas-6.10pm. fi Triq il-Kamelja, wkoll fil-lokalità ta’ Santa Luċia.
Il-Maġistrat Mifsud qal li l-anzjani nipproteġuhom għandna u mhux nisirquhom u appella lill-anzjani kollha biex joqogħdu attenti meta persuni jiġu jħabbtulhom il-bieb għall-karità. Huwa ġie mixli wkoll li talab għall-karità għad-dannu tal-istess anzjani, u fl-istess żmien iżda fi ġranet differenti matul ix-xahar ta’ Ġunju u qabel, għex ħajja ta’ għażż u vagabuntaġġ.
Il-Qorti qalet ukoll li l-karità jafu lil min iridu jagħtuha… lill-Puttinu Cares, lill-Malta Community Chest Fund lil Caritas u Hospice Movement fost oħrajn. “Mhux lil xi ħadd bħalek. Immaġina li kieku dik kienet ommok, x’kont tagħmel,” tenna l-Maġistrat Mifsud meta kien qed jindirizza lil Farrugia, bl-imputat jagħti raġun lill-Maġistrat.
L-allegati każi ta’ serq seħħew fis-17 u fil-21 ta’ Ġunju li għadda f’Santa Luċija. Fil-Qorti ħareġ li l-imputat kien imur iħabbat il-bieb tad-djar jitlob għall-karità, u jimponi ammont ta’ €15. Intqal ukoll li f’okkażjoni minnhom, mara anzjana li nzertat kienet ħierġa mir-residenza tagħha, allegatament serqilha l-portmoni li kien fih mal-€200.
Huwa ġie mixli wkoll li sar riċediv b’diversi sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati. Għalih deher l-Avukat Christopher Chircop li m’għamilx talba għall-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
//= $special ?>