L-eks President tal-Afrika t’Isfel, Jacob Zuma, spiċċa kkundannat għal 15-il xahar ħabs mill-ogħla qorti fil-pajjiż.
Zuma ngħata ħamest ijiem biex jgħaddi lilu nnifsu lill-pulizija. F’każ li ma jagħmilx hekk, il-Ministru tal-Pulizija jrid jordna l-arrest tal-eks President.
Is-sentenza tal-ħabs ingħatat wara li l-Qorti Kostituzzjonali sabet lil Zuma ħati dwar sfida lill-qorti wara li din ordnat biex hu jidher f’inkjesta dwar il-korruzzjoni fi żmienu bħala President – bil-mandat tiegħu jiskadi fl-2018.
Il-Presidenza ta’ Zuma kienet karatterizzata b’allegazzjonjiet dwar tixħim u korruzzjoni,b’numru ta’ negozjanti jkunu akkużati dwar konfoffa mal-politiċi biex jingħataw id-deċiżjonijiet (politiċi) favur l-istess negozjanti.
L-eks President Afrikan deher darba biss waqt l-inkjesta, iżda imbagħad irrifjuta li jidher aktar.
B’hekk, il-Maġistrat Sisi Khampepe li mexxiet l-inkjesta talbet lill-Qorti Kostituzzjonali biex tintervjeni waqt li kkundannat lil Zuma talli rrifjuta li jippreżenta ruħu l-qorti biex jispjega azzjonietu.
Il-maġistrat sostniet li Zuma, minflok, għażel li jagħmel stqarrijiet bla sustanza u qarrieqa bħala sforz biex jitfa’ dawl ikrah fuq l-integrità tal-ġudikatura.
Hi kompliet li ma kellha l-ebda għażla ħlief li tikkundanna lil Zuma għall-ħabs bit-tama li l-verdett ‘iwassal messaġġ inekwivoku li l-amministrazzjoni tal-liġi u r-rispett għall-ġustizzja għandha tiġi l-ewwel u qabel kollox’.
L-eks President tal-Afrika t’Isfel ma kienx fil-qorti biex jisma l-verdett tal-maġġoranza u qed jirrepeti li hu spiċċa vittma ta’ kumplott politiku ‘li kien maħdum bir-reqqa’.
//= $special ?>