Internazzjonali

Libanu: Il-prezzijiet tal-fuel jisparaw ‘il fuq fost il-vjolenza

Il-Gvern tal-Libanu żied il-prezzijiet tal-fuel b’aktar minn 35 fil-mija waqt li qed inaqqas mis-sussidji li ħallew ‘ħofra’ fir-riservi tal-kambju barranin tal-bank ċentrali Lebaniż fi żmien ta’ kriżi ekonomika kbira. Sadanittant, il-miżura qajjmet mewġa ġdida ta’ tensjoni fil-pajjiż fost diversi inċidenti vjolenti wara li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel sparaw ‘il fuq.

U għalkemm il-pass kien intiż biex itaffi mill-impatt tan-nuqqasijiet għall-poplu, il-prezzijiet għoljin tal-fuel se jħallu riperkussjonijiet negattivi għall-aktar Lebaniżi foqra – u meta fl-aħħar sigħat kienu rappurtati diversi inċidenti vjolenti, fosthom waqtiet ta’ ġlied qrib iċ-ċentri u l-istazzjonijiet li jqassmu l-petrol.

L-inċidenti vjolenti seħħew wara li s-sewwieqa tal-karozzi damu s-sigħat jistennew fi kju għall-petrol u d-diesel – u fejn ma naqsux il-battibekki sħan u sitwazzjonijiet fejn in-nies spiċċaw fl-idejn.

Il-Libanu – pajjiż żgħir ta’ sitt miljuni – għadu mgħarraq fi kriżi finanzjarja li l-Bank tad-Dinja ddeskrivietha bħala waħda mill-akbar ‘depressions’ fl-istorja moderna. Wieħed issa jrid jara l-effetti fit-tul ta’ din is-sitwazzjoni għal-Lebaniżi bl-anqas introjtu – bl-importaturi tal-fuel qed iwaħħlu fil-bank ċentrali ta’ Bejrut għal ‘policies żbaljati’ u d-dawmien biex jinfetħu l-linji ta’ kreditu li jappoġġjaw l-importazzjoni tal-petrol u d-diesel.