Lokali

“M’hemm xejn ikbar milli tħobb u tirċievi l-imħabba mingħand xi ħadd” – Bernard Grech

“Int min int, ġej minn fejn ġej, għandek kemm għandek flus…xorta waħda l-bniedem ikollu l-istess diffikultajiet bażiċi….u kull ma jkun jixtieq fl-aħħar mill-aħħar huwa li jkun stmat”.

Sostna dan, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq il-media soċjali mal-preżentatur lokali Ben Camille, fejn dawk kollha li segwew, setgħu japrezzaw aktar l-aspett uman ta’ Bernard Grech, lil hinn min-narrattiva politika li ta’ kuljum il-pubbliku jabbina lill-personalitajiet politiċi magħha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li l-flus fil-ħajja m’humiex kollox u li f’xi waqtiet, il-bażiku hu biżżejjed biex tgħix ħajja ta’ kuntentizza lil hinn mill-materjaliżmu … għalkemm fakkar li fil-verità, huma r-relazzjonijiet li jagħmluk kuntent.

Dan filwaqt li insista li, iżda, hu importanti li persuna ssib ukoll il-kuntentizzà fiha nnifisha.

Bernard Grech insista li l-politiċi huma bnedmin tad-demm u l-laħam bħal ħaddieħor u lkoll ikollhom il-ħajja tagħhom, bi tlugħ kif ukoll l-inżul. Tkellem ukoll dwar il-passatempi tiegħu fosthom il-kant, ir-reċtar kif ukoll is-snajja tal-id.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li jrid jagħti aktar leħen liż-żgħażagħ għax jemmen li għandhom ideat friski u li jagħtu nifs ġdid tant bżonnjuż lil dawn il-Gżejjer.

Hu kien mistoqsi wkoll dwar l-isport favorit tiegħu, il-futbol, fejn tkellem dwar l-imħabba li għandu lejn it-tim nazzjonali Malti u x-xewqa li għandu.

Bernard Grech qasam mal-preżentatur u l-ispettaturi esperjenza xejn sabiħa li għaddha minnha fl-2004 – meta ħass biża’ kbira kawża ta’ attakk qawwi ta’ paniku li kien ġarrab, bl-ewwel ħaġa li ġab quddiem għajnejh kienu uliedu Marija u Neil, li kienu għadhom ċkejkin, kif ukoll il-martu AnneMarie.