Żebbuġi ta’ 43 sena li f’Marzu ta’ erba’ snin ilu kien ntbagħat 20 xahar ħabs u mmultat €3,000 wara li kien instab ħati li qed ikabbar pjanti tal-cannabis fit-terazzin tiegħu kellu s-sentenza tiegħu sospiża mill-Qorti tal-Appell wara l-bidla li għamel f’ħajtu, grazzi wkoll għal għajnujna li ngħata mill-Caritas.
Mhux talli bidel ħajtu imma fil-Qorti ħareġ li qed jagħti lura bil-bosta u qed jgħid persunui oħra lio għandhom problema ta’ droga. Il-Pulizija li kienu għamlu s-sejba ta’ dawn il-pjanti fir-residenza ta’ Walter Desira f’Marzu tal-2011. Kienu sabu 14-il qasrija tal-pjanta tal-cannabis li kienu qed jiġu kultivati b’21 pjanta tal-kannabis ġo fihom. Huwa kien qed iżommhom f’serrer b’dawl artifiċjali.
Fir-residenza tiegħu nstabu ukoll żerriegħa tal-pjanti cannabis. L-Ispettur Johann Fenech li kien ressaq lil Desira akkużah bil-pussess aggravat tal-cannabis, li kollox jindika li ma kienux qed jiġu kultivati għall-użu personali tiegħu biss. Fil-Qorti ammetta li ħawwel il-pjanti wara li sab informazzjoni onlajn, u qal li ħadd ma kien jaf bihom u qatt ma biegħ jew ta droga lil ħadd.
Desira kien qal fil-Qorti tal-Maġistrati li beda jpejjep il-marijuana wara li beda jsibha diffiċla jorqod, minħabba mediċina li beda jieħu għall-kundizzjoni li jbati biha. Fix-xhieda tiegħu, l-akkużat kien qal li kien ipejjep mat-tmien joints kuljum għax kien ibati minn dipressjoni u attakk nervuż.
Il-missier ta’ żewġt itfal qal li huwa kien jixtri d-droga minn persuna li kienet tmexxi d-droga fil-klabb tal-banda ta’ Ħal Qormi, iżda wara beda jkabbar il-pjanta tal-kannabis fir-residenza tiegħu. Huwa qal li qatt ma biegħ il-marijuana. Fil-Qorti kien stqarr li huwa waqaf ipejjep il-cannabis biex isalva ż-żwieġ tiegħu, hekk kif il-mara qaltlu biex jagħżel bejn il-familja jew id-droga.
Il-Maġistrat Neville Camilleri sab lil Desira ħati ta’ pussess ta’ droga iżda mhux fuq traffikar. Il-Qorti qalet li hekk kif ir-raġel deher li biddel il-mod ta’ kif jgħix wara perjodu diffiċli f’ħajtu, tagħtu sentenza viċin tal-minimu stabbilita. Il-Qorti tal-Appell prseduta mill-Imħallef Edwina Grima għamlet diversi valwazzjonijiet fuq il-każ.
Fosthom qieset il-kondotta aġġornata tal-appellant li talab lil din il-Qorti sabiex tassumi l-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga u laqgħat din it-talba u konsegwentement wara li assumiet il-funzjoni ta’ Qorti dwar id-Droga, rreferiet lillappellant quddiem il-Bord tar-Riabilitazzjoni ta’ Persuni li Nqabdu bid-Droga skont l-artikolu 8(3) tal-Kapitolu 537 u ordnat il-komunika tad-digriet tagħha lil dan il-Bord.
Il-Qorti tagħat piż kbir il-fatt li Desira għadda lil Pulizija l-informazzjoni kollha li kellu dwar mingħand min kien jixtri r-raża kif ukoll indika l-ħanut minn fejn xtara ż-żerriegħa tal-cannabis. “Issa jekk il-Pulizija minn naħa tagħha naqset milli tinvestiga l-informazzjoni li hu pprovdilhom, hu ma għandu jbati ebda preġudizzju minħabba dan in-nuqqas”, qalet il-Qorti tal-Appell.
Ġie kkunsidrat ukoll il-fatt li mid-dokumenti annessi man-nota tal-Bord jirriżulta b’mod ċar illi l-appellant ikkopera bis-sħiħ fil-programm ta’ rijabilitazzjoni. Hu kien dejjem konsistenti fl-għoti tal-kampjuni tal-urina li kien obbligat li jipprovdi darba fil-ġimgħa fejn skond dak irrapurtat dawn kienu kollha negattivi.
Deskritt minn rappreżentant tal-Caritas bħala “storja ta’ suċċess”
Minn dak illi xehed ukoll Leon Madden, mill-Caritas li segwih Desira huwa meqjus bħala ‘storja ta’ suċċess’ fil-ġlieda tiegħu kontra l-vizzju tad-droga, u llum huwa wieħed mir-role models għal vittmi oħra ta’l-abbuż u jifforma parti milliskema msejħa ‘giving back’ tal-Caritas fejn joffri l-għajnuna tiegħu lil persuni oħra maħkuma mill-vizzju.
Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li Desira irnexxielu jegħleb il-problema ta’ tossikodipendenza li kellu. Mis-social inquiry report li ġie imħejji quddiem l-Ewwel Qorti mill-Uffiċjal tal-Probation Svetlana Bezzina, irriżulta illi l-appellant kien dipendenti biss fuq il-kannabis li hu beda jikkonsma f’età avvanzata, iżda rnexxielu jwaqqaf dan l-użu, li kien sar wieħed akut, meta għamel kuntatt mal-Caritas fis-sena 2011.
Minn hawn hu baqa’ jżomm kuntatt regolari mal-Caritas u kull test tal-urina li sarlu irriżulta dejjem fin-negattiv. Ħareġ mir-rapport illi l-użu li kien jagħmel l-appellant minn din is-sustanza kien marbut ukoll ma’ kundizzjoni ta’ dipressjoni li kien ibati minnha. Illum Desira għandu impjieg regolariżżat u huwa ffukkat sabiex jistabbilixxi ruħu fix-xogħol ta’ sprajer u panel beater.
Desira ilu mizzewweġ għal diversi snin u għandu żewġ itfal u llum għaraf il-ħtieġa illi jaħdem u jistinka sabiex jerġa jiggwadanja iż-żmiem mitluf mal-familja tiegħu minħabba l-abbuż tad-droga. Il-fatt illi l-Qorti issa assumiet il-funzjonijiet ta’ Qorti dwar id-Droga u fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet magħmula, tqies illi l-piena għandha tkun riveduta.
Għal dawn il-motivi l-Qorti taqta’ u tiddeċiedi billi wara li rat l-artikolu 8(7) tal-Kapitolu 537 tal-Liġijiet ta’ Malta, laqgħet l-appell, u irriforma s-sentenza appellata billi tikkonfermaha fejn l-Desira instab ħati ta’ pusses ta’ droga, bid-differenza li tikkundanna lil Walter Desira għall-perijodu ta’ sitt xhur priġunerija, sospiżi għal żmien sentejn. Il-multa kienet ukoll revokata minn €3,000 għal €600