Lokali Qorti

Mixli li ffroda erba’ persuni fuq kirja ta’ garaxx

Raġel mixli li ffroda numru ta’ persuni meta kien jgħidilhom li kien se jikrilhom garaxx, inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih. Victor Lofreda ta’ 39 sena mill-Gudja ġie mixli b’disa’ akkużi fosthom li għamel qligħ b’qerq meta ħa l-flus ta’ erba’ persuni bħala depożitu għall-kirja ta’ garaxx ineżistenti.

Ingħad li wara li jiftiehem mal-persuni li allegatament spiċċaw vittmi tiegħu, dawn kienu jagħtuh id-depożitu iżda mbagħad kien jaqta’ il-kuntatti kollha minn magħhom. L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Qorti li Lofreda, biex jitwemmen kien jagħti lill-vittmi tiegħu rċevuta b’ismijiet differenti, kif ukoll jiffirma b’numru tal-karta tal-identità falza.

L-Avukat Franco Debono, li deher għall-akkużat, talab għall-ħelsien mill-arrest, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona bil-qawwa kollha minħabba li għad hemm numru ta’ xhieda li jridu jixhdu. Apparti minn hekk, ingħad ukoll li l-imputat għandu l-problema tal-vizzju tal-logħob u anke użura. Huwa ġie mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-Qorti meta naqas li joqgħod ma’ digriet mogħti mill-Qorti għall-pleġġ.

Il-Maġistrat Joseph Mifsud ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest u bagħat komunika lid-Direttur Ġenerali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex l-akkużat jingħata l-għajnuna permezz ta’ pjan ta’ kura biex jegħleb il-vizzju tal-logħob u jkun protett mill-użura. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah K Zerafa u Paul Camilleri.