Għaddew aktar minn 24 siegħa minn meta sarlu l-appell fil-Parlament – izda l-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ċaħadx lil Joseph Muscat biex jitneħħa d-dell ikrah li għandu fuqu l-pajjiż.
Għaddew aktar minn 24 siegħa u Abela għadu ma kkummentax dwar kemm kien spalla ma’ spalla ma’ Muscat u saħansitra l-Konsulent tiegħu, f’sinjal ċar ta’ kontinwità għall-Gvern ta’ Muscat.
It-Tnejn filghodu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech appella lill-Prim Ministru fil-Parlament biex ineħħi s-suppervja u jiddiskuti mal-Oppożizzjoni ħalli jinstabu s-soluzzjonijiet wara li Malta giet greylisted.
Bernard Grech fakkar kif f’dawn it-tmien snin, il-Gvern Laburista kien ipoġġi biss lil Muscat u lin-nies madwaru fiċ-ċentru tal-politika billi baqa’ jiddefendihom, b’kull Membru Parlamentari vvota għal darba wara l-oħra biex jipproteġi lil nies bħal Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tenna l-appell biex Abela jiċħad lil Muscat hekk kif qal li kull ġurnata fil-greylist se tissarraf f’nuqqas ta’ investiment barrani. Se jkun il-poplu kollu li se jbati minn din is-sitwazzjoni.
Hu għalhekk, kompla, li f’dan il-mument jenħtieġ konsensus nazzjonali, bil-Partit Nazzjonalista qed jagħmel l-għażliet fl-aħjar interess tal-poplu għax l-ewwel reponsabbiltà hi lejn il-poplu. Min-naħa l-oħra, fakkar li sentejn ilu, ir-rabja tal-poplu diġà niżżlet mill-poter lil dak li kien iċċertifikat bħala l-aktar politiku korrott fid-dinja.
Bernard Grech qal li l-Partit immexxi minnu se jkompli joffri l-id tal-għajnuna, bil-ħolqien ta’ taskforce nazzjonali biex titwarrab l-arroganza u s-suppervja, filwaqt li bis-saħħa ta’ kulħadd, il-pajjiż jaqbad it-triq ‘il quddiem ħalli joħroġ mill-greylist.
//= $special ?>