Lokali

Sewwieqa ta’ ‘e-kick scooter’ issofri ġrieħi gravi

Mara Franċiża residenti l-Pieta’ sofriet ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku kmieni dalgħodu. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.45 ta’ filgħodu fi Triq ix-Xatt, il-Gżira.

Mill-ewwel stħarriġ mill-Pulizija jirriżulta li l-mara kienet qed issuq ‘e-kick scooter’ fl-imsemmija triq meta ntlaqtet minn vettura tat-tip Volkswagen misjuqa minn raġel ta’ 23 sena residenti l-Pieta’.

Fuq il-post mar ukoll tim mediku li ta l-ewwel għajnuna lill-vittma li ttieħdet l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza fejn iktar tard kienet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. L-investigazzjonijiet min-naħa tal-pulizija għadhom għaddejjin.