Sħana, tidlik u qtugħ ta’ nifs. Taħt xemx tisreġ, b’temperatura li tlaħħaq id-39 grad Celsius, fl-għodwa ta’ Festa Pubblika, mijiet ta’ persuni ta’ kull età kienu msejħa fl-Università ta’ Malta biex jieħdu t-tilqima ta’ kontra l-Covid-19 … min għall-ewwel u min għat-tieni doża.
Bosta li tkellmu ma’ NET News saħqu li l-kju li sabu quddiem għajnejhom kien wieħed inkredibbli, fejn saħansitra għamlu madwar siegħa jistennew sakemm jirfsu passejhom fl-arja kkundizjonata. Oħrajn li tkellmu magħna qalu li ħadd m’avżahom x’kienu se jsibu ma’ wiċċhom b’xemx tiżreċ fuqhom f’bidu ta’ ġimgħa, li jidher li m’hemmx sinjal ta’ waqfien għal din il-mewġa ta’ sħana li laqtet lil pajjiżna.
It-Tlieta, għadd ta’ Ċentri ta’ Vaċċinazzjoni kienu magħluqin, fosthom taż-Żejtun u tan-Naxxar. U filwaqt li kien hemm min ġie nnotifikat b’SMS li ċ-Ċentru tal-appuntament inbiddillu għall-Università, oħrajn ma ġew innotifikati bl-ebda mod … u wara li sebħu fiċ-Ċentri li kienu assenjati fihom … min bil-karozza u min b’tal-linja, qalulhom biex imorru l-Università ta’ Malta.
Il-persuni li tkellmu ma’ NET News saħqu li n-nies fil-kju ġew trattati daqslikieku kienu bhejjem fix-xemx, b’nuqqas qawwi ta’ disatanza soċjali … filwaqt li insistew li kien imissu mqar kien hemm tinda li tilqa’ mill-qilla tax-xemx sajfija.
Oħrajn saħqu li filwaqt li l-Gvern ta’ Robert Abela jippoppa jgħid li aħna l-aqwa fid-dinja fil-ġlieda kontra l-pandemija, id-diżorganizzazzjoni organizzata li qed ikun hemm regolarment fil-proċess ta’ vaċinazzjoni tixhed mod ieħor.
//= $special ?>