Argument li seħħ matul il-lejl illi għadda f’San Ġiljan ħalla żagħżugħ ta’ 20 sena fil-periklu tal-mewt u ieħor, ukoll ta’ 20 sena, bi ġrieħi gravi. Dwar dan il-każ, il-Pulizija qiegħda tfittex grupp ta’ irġiel li allegatament kienu involuti fl-istess argument.
Kienu għall-ħabta tat-02.45, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fix-Xatt ta’ San Ġorġ għax kien hemm raġel mitluf minn sensih u ieħor kellu xi feriti.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li kien qam argument bejn żewġ Libjani u grupp ta’ irġiel oħra barranin, li kienu ħarbu minn fuq il-post.
Il-vittmi ngħataw l-assistenza minn tim mediku u ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Claire Stafrace Zammit ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Il-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan għaddejja bl-investigazzjonijiet.
//= $special ?>