Il-gazzetta Franċiża L’Equipe ħarġet revalazzjonijet dwar id-diżgwid li kien hemm fost il-kamp Franċiż matul il-partita mill-fażi tal-aħħar sittax fil-Euro 2020 , kontra l-Iżvizzera, bi Franza jisfaw eliminati wara l-għoti tal-penalties.
Jidher li d-diżgwid bejn Olivier Giroud u Kylian Mbappe wara l-partita kontra l-Bulgarija kien dak li ħoloq l-inkwiet fost il-plejers Franċiżi, fejn kien hemm anke tgħajjir bejn membri tal-familji tal-istess plejers. L’Equipe kompliet tirraporta li l-attitudni ta’ Kylian Mbappe dwar il-kummenti ta’ Olivier Giroud wara l-partita, dejjqu wkoll lill-plejers ta’ esperjenza fl-iskwadra fosthom lil captain Hugo Lloris, Steve Mandanda kif ukoll Moussa Sissoko.
Jidher ukoll li bosta plejers ma kienux kuntenti wkoll bl-akkomodazzjoni tat-tim f’Budapest, kif ukoll bil-fatt li ma kellhomx aċċess biex jaraw lill-familjari tagħhom matul il-perkors tat-turnament, anke minħabba r-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid 19.
Wara l-partita kontra l-Iżvizzera jidher li omm l-midfielder Adrien Rabiot, li hija wkoll l-aġent tiegħu, għaddiet xi kliem diżpreġjattivi lejn Kylian Mbappe, kif ukoll lejn il-familjari ta’ Paul Pogba. Il-gazzetta Franċiża rrapurtat ukoll li kien hemm diżgwid bejn Pogba u Rabiot matul il-partita, b’Raphel Varane ikollu xi jgħid ma’ Benjamin Pavard dwar il-mod ħażin ta’ kif kien qed jiddefendi.
Jidher li l-kowċ Didier Deschamp xejn ma kien kuntent b’dan id-diżgwid fost l-iskwadra tiegħu u wissa lit-tim biex jirrispettaw lil xulxin qabel il-partiti ta’ kwalifikazzjoni mit-Tazza tad-Dinja tal-2022, f’Settembru.
//= $special ?>