Lokali

Fiduċja sħiħa f’dak li qed jipproponi l-PN

“L-istess Gvern li daħħalna f’din is-sitwazzjoni ma jistax iwassalna għas-soluzzjoni, għaliex huwa parti mill-problema. Din hija materja ta’ kredibiltà u din ma jistax jagħtiha l-istess gvern li għal snin twal iddefenda lil politiċi korrotti u l-istess gvern li għal diversi drabi vvota kontra mozzjonijiet li resqet l-oppożizzjoni biex dejjem baqa’ jiddefendi lill-istess persuni li l-PN dejjem qal li qed jagħmlu ħsara lil pajjiżna. Illum huwa ċar li għandna gvern li qed ikisser iż-żgħir filwaqt li qed iħalli lill-kbir li għamel il-ħsara hemm barra u allura tilef il-kredibiltà. Aħna ma nistgħux inħalluh jibqa’ jagħmel din il-ħsara lil pajjiżna.” – Kienet din id-dikjarazzjoni ċara tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta kien intervistat fil-programm ‘Dritt għall-Punt’ fuq Net Television. Bernard Grech kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet dwar id-deċiżjoni tal-Financial Action Task Force li tpoġġi lil pajjiżna fil-greylist.

Bernard Grech spjega li l-PN qed jipproponi bidla fil-mod kif qed imexxi l-Gvern għaliex Robert Abela u l-Partit Laburista mhux qed jgħidu l-verità. Il-Gvern tal-Labour qiegħed jigdeb lill-poplu. “Dan huwa trait tal-gvern, jaħbi u jigdeb jew ibiddel il-verità. Ma nistax jien fuq xi ħaġa daqshekk serja u delikata nafda li Robert Abela se jgħid il-verità u allura jien fil-Parlament irrid li l-Prim Ministru jippreżenta d-dokumentazzjoni u l-korrispondenza kollha li kellu dwar l-FATF, biex min hemm inkunu nistgħu niddiskutu u naslu għall-aħjar soluzzjonijiet biex pajjiżna joħroġ mill-greylist.”

Meta kien qed iwieġeb dwar laqgħa pożittiva li kellu mal-Imsieħba Soċjali, Bernard Grech spjega li hemm fiduċja kbira f’dak li qed tipproponi l-Oppożizzjoni fejn saħansittra saret talba biex dawn il-laqgħat isiru iktar ta’ spiss. U stqarr illi l-MCESD ghandhom fiducja li l-PN jista’ jkun parti mis-soluzzjoni. “Aħna konvinti li nistgħu nagħtu kredibiltà lil pajjiżna biex flimkien noħorġu minn din is-sħaba l-griża.”

Tul din l-intervista, Bernard Grech reġa’ stieden lill-Prim Ministru biex flimkien mal-esperti u l-Oppożizzjoni, jpoġġu madwar mejda u jiddiskutu t-triq ‘il quddiem ta’ kif pajjiżna jista joħroġ mil-lista l-griża. Dan fl-istesss waqt li Robert Abela għadu s’issa jaħrab milli jiddiskuti jew jikkonsulta. Bernard Grech qal li l-PN kien proattiv bil-proposta ta’ Task Force Nazzjonali, u jekk il-Gvern jibqa’ ma jaċċettax, il-PN għandu pjan iehor biex jaħdem biex Malta ma tibqax fil-greylist.

Il-Kap tal-PN spjega li fost l-ohrajn saret proposta li jkun hemm Kumitat Parlamentari apposta biex jiddiskuti l-efetti tad-deċiżjoni tal-FATF u kif se nohorgu mil-list l-griża. Dan, biex jekk il-Gvern iwebbes rasu li ma jikkonsultax, il-Korpi Kostitwiti jkollhom fejn isemghu lehinhom, ghaliex din hija xi haga serja li trid tissolva malajr kemm jista’ jkun. Pero mhux biss, irridu nahdmu biex qatt ma nerġgħu nkunu fil-greylist.

Intant, tul din l-intervista, il-Kap tal-PN kompla jispjega l-proposti konkreti u kontinwi li hareg bihom il-Partit Nazzjonalista, fosthom dwar l-enerġija (kontijiet tad-dawl u l-ilma) u l-IVF. Bil-Gvern jispicca jikkopja dawn il-proposti. Hu semma’ wkoll kif il-ħidma biex il-PN jkompli jissaħħaħ u jkun Gvern alternattiv għadha għaddejja u se tibqa’ għaddeja bla waqfien. Hawnhekk, Bernard Grech spjega li l-ħidma interna fil-clusters tal-PN għadha għaddejja u aktar proposti se jkunu qed joħorġu fil-jiem li ġejjin, proposti li se jgħinu biex “persuna ma tgħix biex taħdem imma taħdem biex tgħix.”

Bernard Grech spjega li kontinwament qed jiltaqa’ ma’ familji, ħaddiema, persuni fin-negozju, penzjonanti, żgħażagħ u kull persuna oħra fis-soċjetà għaliex għalih kull persuna hi importanti u kull persuna tista’ tagħti kontribut biex is-soċjetà tkun aħjar. Saħaq li l-kuntatt kontinwu man-nies qed ikompli jsaħħaħ il-fiduċja fil-PN bħala Gvern alternattiv. Bernard Grech spjega li filwaqt li hawn ħafna li qed jersqu lejn il-PN, għad hemm persuni li mhux konvinti. Kien hawnhekk fejn wassal l-appell tiegħu biex kull min irid jersaq lejn il-PN biex ikun parti mis-suċċess ta’ pajjiżna fis-snin li ġejjin għaliex hu lest li jisma’ lil kulħadd u li lest li jiltaqa’ ma kulħadd.

Il-Kap tal-PN spjega xi jfisser li l-persuna tkun fiċ-ċentru tal-politka meta saħaq li l-PN huwa favur t-tkabbir tal-ekonomija imma mhux għal skapitu tan-nies. Bernard Grech saħaq li tajjeb li min hu sinjur ikompli jsir sinjur pero l-politka tal-PN se taċċerta li min hu fqir ma jibqax lura u permezz ta’ ekonomija b’saħħitha jgawdi kulħadd għaliex il-PN għandu kuxjenza soċjali u għandu għal qalbu l-ġid komuni.