Futbol Sport

Net Television se jxandar b’mod dirett iċ-ċelebrazzjonijiet taċ-champions Ħamrun Spartans

Ħamrun Spartans se jkunu qed jiċċelebraw ir-rebħ tal-Kampjonat Premier, 30 sena wara li ċċelebraw dan l-unur l-aħħar.

Edizzjoni speċjali ta’ Replay li se tkun qed tibda fis-7pm u tibqa’ għaddejha sa wara l-11pm, b’servizz estensiv f’jum il-presentazzjoni tat-tazza lil Ħamrun Spartans.

Ħamrun Spartans se jkunu qed jiċċelebraw ir-rebħ tat-tmien Kampjonat Premier fl-istorja tagħhom, għada l-Ħamis, 1 ta’ Lulju, hekk kif se tkun qed issir il-presentazzjoni uffiċjali tat-tazza, mill-President tal-MFA, Bjorn Vassallo lill-captain ta’ Ħamrun, Manuel Bartolo. Il-presentazzjoni uffiċjali, se tkun qed issir fil-Victor Tedesco Stadium, il-Ħamrun, u mhux se tkun miftuħa għall-partitarji iżda se tkun qed tixxandar b’mod dirett fuq Net Television, waqt edizzjoni speċjali tal-programm Replay.

Għal sena oħra, Replay u Net Television jerġgħu żżommu l-appuntament tagħhom ta’ kull sena, li f’jum il-presentazzjoni tat-tazza liċ-champions tal-futbol Malti, jixxandar programm speċjali dwar it-tim rebbieħ.

Fil-21 sena ta’ Replay fuq it-televiżjoni, għal sena oħra, l-aktar programm sportiv popolari u segwit f’pajjiżna, se jkun qed iwassal servizz estensiv f’jum iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tim rebbieħ tat-titlu ta’ champion tal-futbol Malti. Mis-sena 2000 sal-lum, Replay u Net Television, dejjem xandar dawn iċ-ċelebrazzjonijiet fit-tmiem tal-istaġun, u din se tkun l-ewwel darba li se jkun qed iwassal dawn il-festeġġamenti mill-Ħamrun, peress li l-aħħar darba li dan il-klabb rebaħ il-Kampjonat Premier kien 30 sena llu. Tul dawn il-21 sena, Replay wassal iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ xejn anqas minn sitt klabbs differenti, mill-lokalitá stess, inkluż fis-sena 2007, meta t-tliet stazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kienu f’bojcott mal-MFA u għal staġun sħiħ ma kienux irrapurtaw dak li kien qed jiġri fil-Kampjonat Premier, li f’dik is-sena kien mirbuħ minn Marsaxlokk. Madankollu Replay u Net Television kienu xorta waħda żammew l-appuntament tagħhom ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u f’jum il-presentazzjoni tat-tazza ta’ champions tal-futbol Malti, kien twassal programm dirett minn Marsaxlokk.

L-uċuħ li għamlu l-programm Replay tant popolari fl-aħħar snin, Christian Micallef u Konrad Sultana.
Il-presentatriċi Louise Tedesco, se tkun qed tirritorna fuq it-televiżjoni biex tippreżenta edizzjoni speċjali ta’ Replay flimkien ma’ Christian Micallef, wara li aċċettat l-istedina li saret lilha mit-tim tal-produzzjoni tal-programm u Net Television.

Ħamrun Spartans se jkunu is-seba’ klabb li f’dawn l-aħħar 21 sena rebaħ il-Kampjonat Premier organiżżat mill-MFA, u allura li Replay u Net Television se jkun qed iwassal programm speċjali biex jiċċelebra dan it-trijonf fit-tmiem tal-istaġun. Ix-xandira speċjali permezz tal-Outside Broadcasting Unit ta’ Net Television, se tibda fis-7pm u tieqaf għal Net News tas-7:30pm. Għall-ħabta tat-8:10pm, jissokta dan il-programm speċjali, u li se jibqa’ sejjer sa ftit tal-ħin wara l-11pm. Matul din it-trasmissjoni speċjali, il-presentatur ta’ Replay, Christian Micallef se jkun qed jippreżenta dan il-programm flimkien mal-personalitá popolari televiżiva lokali, Louise Tedesco li aċċettat l-istedina li saret mill-produzzjoni ta’ Replay sabiex għal din l-okkażjoni partikolari, tingħaqad fil-presentazzjoni ta’ Replay fuq Net Television.

Il-programm tal-Ħamis filgħaxija se jkun qed jixxandar permezz tal-Outside Broadcasting Unit ta’ Net Television, b’studio apposta li se jkun fuq il-pitch sintentiku tal-Victor Tedesco Stadium, il-Ħamrun.

Għal din l-edizzjoni speċjali ta’ Replay, fl-okkazzjoni tar-rebħ tal-Kampjonat Premier minn Ħamrun Spartans, bint l-eks President tal-klabb, Louise Tedesco se tkun qed tingħaqad fil-presentazzjoni tal-programm, flimkien ma’ Christian Micallef.

Fil-passat, Tedesco kienet ukoll waħda mill-presentaturi ta’ Replay u hi waħda mill-personalitajiet femminili f’Malta, li kapaċi titkellem u tiddiskuti l-futbol lokali b’mod naturali. Aktar minn hekk, il-presenza ta’ Tedesco fil-presentazzjoni ta’ dan il-programm speċjali għandu sinifikat partikolari għaliex missier Louise, hu l-eks President maħbub ta’ Ħamrun Spartans, Victor Tedesco. Taħt it-tmexxija ta’ Victor Tedesco bħala President, l-Ispartans rebħu diversi unuri fosthom erba’ darbiet il-Kampjonat Premier u sitt darbiet l-FA Trophy.

Il-Viċi President ta’ Ħamrun Spartans, Gejtu Debattista (xellug) u l-President tal-klabb, Joseph Portelli (lemin) se jkunu fost il-mistiedna waqt l-edizzjoni speċjali ta’ Replay tal-Ħamis, 1 ta’ Lulju.

Matul dan il-programm speċjali ta’ Replay, se jkun hemm is-sehem tal-mistieden residenti tal-programm, Konrad Sultana kif ukoll numru ta’ mistieden li se jkunu qed jinbidlu matul il-ħin, fosthom il-President taċ-champions il-ġodda, Joseph Portelli, il-kowċ Mark Buttigieg u numru ta’ eks plejers tal-klabb, li kellhom sehem fl-istorja s-sabiħa ta’ Ħamrun fil-passat.

Il-plejers ta’ Ħamrun Spartans jiċċelebraw flimkien matul dan l-istaġun wara wieħed mill-gowls li skorjaw fil-Kampjonat Premier.

Sintendi, din ix-xandira speċjali se tkun qed twassal l-emozzjonijiet kollha li se jkun hemm fil-Victor Tedesco Stadium u fit-toroq tal-Ħamrun, hekk kif il-partitarji tal-Ispartans, se jkunu qed jiċċelebraw ir-rebħ ta’ dan it-tmien Kampjonat Premier wara 30 sena ta’ stennija.