Lokali

Il-Kunsill Ġenerali tal-PN se jitlaqqa’ bejn l-10 u s-17 ta’ Lulju

Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ Kunsill Ġenerali li se jinżamm bejn l-10 u s-17 ta’ Lulju . Dan il-Kunsill qed jinżamm issa wara li kien pospost fix-xhur li għaddew minħabba rrestrizzjonijiet li kien hemm relatati mal-pandemija tal-COVID-19 fuq attivitajiet pubbliċi.

F’dan il-Kunsill ħa jkun hemm diskussjoni politika, diskussjoni dwar emendi għall-istatut talPartit, kif ukoll l-elezzjonijiet għall-President tal-Kunsill Ġenerali u għar-rappreżentanti talKunsill Ġenerali fl-Eżekuttiv tal-Partit. Minn dan il-Kunsill se jiġu eletti 18-il rappreżentant għal fuq il-Kumitat Eżekuttiv u l-Partit Nazzjonalista isegwi s-sistema fejn il-Kunsilliera kollha tiegħu jivvotaw fuq listi differenti biex ikun assigurat li jitilgħu sitt irġiel, sitt nisa, erba’ żgħażagħ u żewġ rappreżentanti minn Għawdex.

Dawk il-Membri tal-Kunsill Ġenerali li jridu jikkontestaw f’dawn l-elezzjonijiet jistgħu jiġbru u jissottomettu n-nomini m’għand is-Segretarjat tal-Partit Nazzjonalista, sat-Tlieta 6 ta’ Lulju f’nofsinhar.

Bejn id-data tal-ftuħ u tal-għeluq tal-Kunsill Ġenerali se jkun hemm sessjoni fejn ikunu kunsidrati diversi emendi għall-istatut imressqa mill-Kumitat Eżekuttiv, laqgħat ta’ diskussjoni politika u l-elezzjoni tar-rappreżentanti mill-Kunsill Ġenerali għal fuq il-Kumitat Eżekuttiv.

B’hekk ikun ingħalaq il-proċess tat-tiġdid tal-istess Kumitat Eżekuttiv.

Kemm fl-ewwel sessjoni kif ukoll fl-aħħar sessjoni tal-Kunsill Ġenerali jkun hemm diskorsi mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit, Francis Zammit Dimech u mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.