Lokali

Jibqa’ ma jiċħadx lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Robert Abela għadu ma indikax meta qed jippjana li pajjiżna joħroġ mill-Greylist.

Waqt diskors li qara lill-Imsieħba Soċjali, Robert Abela ma ta ebda pjan dettaljat dwar il-ħidma tal-Gvern biex noħorġu mill-lista l-griza tal-Financial Action Task Force. Hu qal biss li għandu tliet azzjonijiet li jinvolvu lis-soċjetà b’mod ġenerali. U pjan konkret, biex pajjiżna jerġa jikseb ir-reputazzjoni li kellu qabel l-2013 baqa’ ma tax.

Robert Abela qal li kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu biex is-sistema ma tintużax għal skopijiet ħżiena. Filwaqt li stqarr illi l-Gvern kommess li jieħu azzjoni u li n-negozju, li Abela sejjaħ “leġittimu” m’għandux problemi, fl-ebda ħin ma indika li se jkun qed jieħu azzjoni fil-konfront ta’ persuni qrib il-Gvern li wasslu lil pajjiżna f’din is-sitwazzjoni.

Mistoqsi mill-ġurnalisti, jekk hux se jiddistanzja ruħu mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Robert Abela, għall-ewwel ħarab milli jwieġeb… imbad semma’ l-Panama Papers.

Dan meta Robert Abela, kien jifforma parti mill-istess Gvern li għal snin twal iddefenda lil Keith Schembri u Konrad Mizzi li kienu involuti fil-Panama Papers. Filwaqt li bit-twegiba tiegħu, ma tax dettalji dwar jekk hux se tittieħed azzjoni fil-konfront ta’ dawk involuti fil-Panama Papers.

Intant, fid-diskors li qara lill-MCESD, il-Prim Ministru, fl-ebda ħin ma qal li lest jilqa’ t-talba tal-Partit Nazzjonalsita biex biex jingħaqad f’Task Force Nazzjonali halli jitwettaq it-tibdil fl-inqas żmien possibbli biex pajjiżna joħroġ mill-greylist. Robert Abela lanqas ma semma’ jekk hux se jkun qed iressaq quddiem il-Parlament, id-dokumentazzjoni sħiħa tal-FATF u l-pjan ta’ azzjoni.