Lokali

“Konvint li bir-rieda tajba ta’ kulħadd nistgħu naslu” – Bernard Grech

Il-Kap tal-PN f'laqgħa mal-Imsieħba Soċjali

“Il-messagg tiegħi huwa wieħed ċar u kostanti, ħadd waħdu ma għandu s-soluzzjonijiet. Issa jmiss lil kull min irid u kull min jemmen fix-xoghol u fil-ħiliet ta’ team, li flimkien niġu madwar mejda biex dan il-pajjiz noħorguh minn dan l-isħab griz.” – Hekk sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta ltaqa’ u indirizza lill-imsieħba soċjali mal-ewwel okkażjoni li ltaqa’ dan il-Kunsill wara li pajjiżna tpoġġa fil-greylist tal-FATF.

Bernard Grech innota b’diżappunt kbir rapporti, li numru ta’ fora mhux dejjem iħossuhom parti mid-diskussjoni meħtiega biex l-affarijiet jimxu ‘l quddiem, fejn dawk li jmissu l-għeruq tas-socjetà, l-ekonomija, l-ħaddiema u kull min jgħix f’Malta jħossu li pajjiżna għandu jimxi ‘l quddiem u jkompli jikber.

L-ewwel appell tal-Kap tal-PN lill-MCESD kien biex dan il-forum isir il-post fejn tiġi imwielda, żviluppata u msaħħa d-diskussjoni, biex il-pariri ma jaqgħux fuq widnejn torox, imma jjittieħed bis-serjeta. “Jien bħala Kap tal-Oppożizzjoni, bħala parti mill-PN, qegħdin hawn u se nibqgħu hawn fejn meħtieġ biex inkomplu niltaqgħu magħkom individwalment u kolletivament biex naraw li dan id-djalogu jseħħ għall-ġid ta’ pajjizna.”

Bernard Grech tenna li dan huwa mument kritiku għal pajjiżna u fakkar kif l-ebda retorika jew ftaħir mhu se joħroġ lil pajjiżna minn dan l-isqaq li hemm min daħħalna fih. “Nitlobkom biex ningħaqdu llkoll flimkien u tilqgħu t-talba tiegħi biex mill-aktar fis possibbli, magħkom u permezz tagħkom, aħna li għandna għal qalbna lil pajjiżna, tgħinuna biex dan il-pajjiż nerġgħu nagħtuh dak li jixraqlu.”

Waqt li kien qed jindirizza lill-Imsieħba Soċjali, il-Kap tal-PN tkellem dwar li l-fatt li sfortunatament hemm bosta operaturi li qed jantiċipaw li l-greylisting se jkollu impatt fuq l-investiment barrani u dan mhux biss fuq is-servizzi finanzjarji.

Bernard Grech fakkar kif kull ġurnata li nibqgħu fuq il-lista l-griża se npattuha b’nuqqas ta investiment. “Kull sid, impreditur u ħaddiem jaf li meta jkollok problema, issir għar jekk titraskuraha.” Hu fakkar kif il-PN, ħa pożizzjoni ta’ responsabilità politika, ghaliex jaf li dan il-mument jeħtieg li mmorru lil hinn mill-politka tas-soltu. “Hemm proġetti u ħolm fin-nofs, għalhekk stedinna lill-Gvern biex jingħaqad magħna f’Task Force Nazzjonali biex jitwettaq it-tibdil fl-inqas żmien possibbli.” Hu appella lill-MCESD biex anke huma jtennu dan l-appell “biex tabilħaq nitkellmu b’vuċi waħda f’dan il-mument tant sensittiv.”

Il-Kap tal-PN saħaq li wara li Malta implimentat ħafna mill-kriterji meħtieġa tal-moneyval, issa jonqos rieda politka b’saħħitha u anke kredibiltà. Hu saħaq li din tista’ tiġi biss jekk ikun hemm kordinament nazzjonali, għaliex id-dubji tal-FATF ġejjin minn deċiżjonijiet tal-Gvern fejn ma kkonvinċiex li jiggieled kontra l-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. “Is-sejħa tiegħi hi ċara, mhux se nsejħilkom biex tispijaw fuq sħabkom, biex tispijaw fuq il-ħuta ż-żgħira, qed insejhilkom biex npoġġu l-ideat u l-imħuħ flimkien, biex nittekiljaw dak li huwa evidenti. Huwa l-ħuta l-kbira li ġabna fiex ġabna u sfortunatament, huwa l-ħuta l-kbira li dan il-Gvern se jibqa’ ma jindirizzax.”

Bernard Grech saħaq li l-PN jemmen li l-mezzi li għandna issa fallew. Hu saħaq li issa hemm bżonn mezzi u metodi oħrajn. “Jeħtieġ formula differenti, aħna lesti li nkomplu nagħmlu l-parti tagħna bi sħiħ f’din il-formula. Intenni l-appell biex il-Gvern ma jibqax jinjora t-talba tagħna, suġġeriment li għamilna b’responsabiltà, biex isir sforz nazzjonali, nirrikonuxxu l-problema u nsolvuha. Konvint, bil-mira li jkollna progress fil-laqgħa li jmiss tal-FATF f’Ottubru.” Il-Kap tal-PN fakkar kif l-Oppożizzjoni ma tistax tistenna l-burdata tal-Gvern, u għalhekk nediet numru ta’ miżuri bil-ħsieb li jkunu involuti dawk kollha milquta mill-greylist f’diskussjoni. “Nifmhu l-problema, s-soluzzjonijiet u imbagħad nibdew it-triq biex noħorġu mill-list l-griża.”

Fil-bidu tal-laqgħa mal-MCESD, Bernard Grech saħaq li jeħtieġ nifmhu s-sitwazzjjoni fl-intier tagħha, għaliex din hija kwistjoni politka iżda wkoll teknika. Hu fakkar kif il-PN talab lill-Gvern iressaq quddiem il-Parlament, id-dokumentazzjoni sħiġa mal-FATF, rapport dettaljat u l-pjan ta’ azzjoni. Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni trid li fil-Parlament jitwaqqaf kumitat aposta, deidikat għar-restawr tar-reputazzjoni ta’ Malta, biex nerġgħu lura fuq il-lista l-bajda. Dan il-kumitat jista’ jassigura li tassew ikollna diskussjoni struturata li tinvolvi lil kulħadd. “Ahna tal-fehma li jkun perikoluż jekk nitrattaw din il-kwistjoni b’mod leġġer.” Bernard Grech fakkar li l-FATF stess qaltilna, “do not downplay the effect of greylisting”.

Fl-aħħar jiem, wara d-deċiżjoni tal-FATF, kienu ħafna il-membri fl-MCESD li pubblikament tennew li għandna nieħdu din is-sitwazzjoni bis-serjetà fejn kienu bosta li appellaw għal kordinament nazzjonali. Bernard Grech saħaq li -Oppożizzjoni issa hija imsejjħa tilgħab irwol fundamentali fil-pajjiż. “Il-proposti u l-inizzjattiva tagħna qegħdin hemm għall-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Aħna dak naraw l-ewwel u qabel kollox iżda rridu naraw li l-investiment jibqa’ jsir u li kulħadd ikollu fiduċja u serħan tal-mohh biex jinvesti f’pajjiżna.”

Bernard Grech temm l-interventi tiegħu b’messaġġ ta’ għaqda; “Insejħilkom biex flimkien naħdmu, biex flimkien naġixxu, spiċċa ż-żmien li nitkellmu b’nofs kliem, dan huwa żmien li ngħiduha kif inhi, ngħidu dak li hemm bżonn ngħidu u mhux dak li hemm min jixtieq jisma. Jien konvint li bir-rieda tajba ta’ kulhadd nistgħu naslu, bl-ideat tagħkom nistgħu naslu, bl-imħabba li għandna lejn pajjiżna nistgħu nirnexxu.” Il-Kap tal-PN tenna li jinsab konvint mill-opinjoni tal-Imseiħba Soċjali u talab biex dawn jibdew jagħtu l-ideat tagħhom ta’ kif flimkien nistgħu naqdfu f’daqqa biex lil dan il-pajjiż inwassluħ fid-destinazzjoni li jixraqlu.

Preżenti għal din il-laqgħa ma’ Bernard Grech kien hemm id-Deputati tal-PN, Claudio Grech, Mario Demarco, Kristy Debono u Joseph Ellis.