Kultura Lokali

“Ma naraw ebda raġuni għalfejn l-industrija tagħna tiġi trattata b’mod differenti” – Howard Keith Debono

“Bl-istess mod li l-awtoritajiet jaċċettaw ċertifikat tal-vaċċin jew test negattiv tal-COVID-19 biex persuna tidħol mill-fruntieri tal-pajjiż, ma naraw l-ebda raġuni għalfejn l-industrija tagħna tiġi trattata b’mod differenti.” – Kien dan il-messaġġ b’saħħtu tall-President tal-Malta Entertainment Industry and Arts Association (MEIA) Howard Keith Debono waqt konfernza tal-aħbarijiet li xxandret live fuq Facebook. Hu saħaq li l-industrija għamlet qabża ta’ ġgant fl-istandards kif ukoll fit-tkabbir ekonomiku imma sfortunatament għad hemm nuqqas ta’ rispett għall-professjoni tagħhom.

Howard Keith qal li din hija professjoni li teħtieġ li tinftiehem u spjega li d-diskriminazzjoni mhux biss qed issir fuq il-ħaddiema u l-artisti imma fuq l-udjenza li ilha snin tinbena u tissaħħah. Hu saħaq li l-istigma tal-avvenimenti tal-massa ntużat b’mod inġust u skorret. Dan filwaqt li spjega li ma jistax jifhem kif avvenimenti ikkontrollati huma ta’ risju meta kkumparati ma dawk illegali li qed isiru b’mod regolari. “Jien nirrifjuta nemmen li l-varjant Delta jidhol minn xi vjolin, dj jew kantant, iktar milli jidħol mill-fruntieri u l-ajruport. Nistgħu naċċetaw test negattiv biex tidħol minn fruntieri u biex tidħol avveniment le. Din ma tagħmilx sens.” kompla jispjega l-President tal-MEIA.

Howard Keith fakkar lill-awtoritajiet li l-proposti tal-industrija huma raġonevoli, fejn spjega li pajjiżi oħrajn ħabbru r-road map tagħahom. “Ilna iktar minn sena insaqsu dwara u għadna b’xejn. Issa mhux biss, Malta quddiem fil-vċċin u herd immunity u għad m’għandnix road map.” Il-President tal-MEIA kompla li “il-membri tagħna jweġġgħu, jirrealizzaw dawn l-affarijiet li ma jagħmlux sens mal-loġika.

Fl-aħħar jiem l-MEIA applikat għal permess ta’ demostrazzjoni, iżda il-permess ma nħariġx mill-awtoritajiet, u fuq dan il-punt, Howard Keith spjega li “ir-realtà hi li attivitajiet spontanji u llegali għandhom aktar ċans li jseħħu iktar milli attività organizzata minn min jipprova jimxi b’mod korrett. “Dan mhux messaġġ loġiku li għandna nwasslu lin-nies.”

Howard Keith saħaq li l-industrija talbet lill-Gvern għal pjan sal-aħħar tas-sena, fejn fost l-oħrajn talbu biex teatri u ċinema jkunu jistgħu jokkupaw 50% tal-ispazzju tagħhom. Dan filwaqt li staqsa kif hawn avvenimenti li jistgħu jitilgħu għal 300 ruħ bilqegħda filwaqt li persuni fl-industrija tad-divertiment ma jistax ikollhom l-istess ammont ta’ nies.

Tul id-diskors tiegħu, il-President tal-MEIA qal li fid-diskusjonijiet li kellhom mal-awtoritajiet, tkellimu dwar pakkett finanzjarju, li xorta mhux sostenibbli. Hu stqarr li mhux kulħadd keffa waħda, fejn fakkar kif setturi oħrajn ibbenefikaw minn pakketti u grants u dawk fis-settur tal-arti u d-divertiment ma bbenfikawx. “Ejja naqblu li l-COVID qegħda hawn u se tibqa’ hawn magħna, ejja naqblu li rridu ngħixu b’din ir-realtà fil-futur. Ahna ma nistghux dejjem nibqgħu nistennew.” Howard Keith temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeg li jkollna miżuri raġonevoli fejn il-membri tal-MEIA u dawn involuti fis-settur jkunu jistgħu jaħdmu.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet taw sehmom diversi artisti u persuni li jaħdmu fis-settur jew qrib tiegħu, fosthom Ira Losco, MVMT, Tenishia u l-Kap Eżekuttiv taċ-Chamber of SMEs Abigal Mamo fejn kulħadd wassal il-ħsibijiet u l-appelli tiegħu hekk kif dan is-settur kien l-ewwel wieħed li ntlaqat mill-pandemija tla-COVID-19 u l-uniku settur li għadu mingħajr direzzjoni ċara ta’ kif jista’ jerġa’ jibda jopera b’mod sostenibbli.