Lokali

Tħassib dwar “Nuqqas ta’ trasparenza”

Nuqqas ta’ trasparenza… nuqqas fis-servizz mediku… tħassib dwar kif qed jintefqu l-fondi li ġew allokati. Din hija s-sitwazzjoni li teżisti fis-Servizz ta’ Detenzjoni hekk kif l-Awditur Ġenerali sab li ġew implimentati biss 36% tar-rakkomandazzjonijiet li kien għamel.

F’rapport li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika ġiet preżentata analiżi ta’ natura Finanzjarja u ta’ Konformità: biex ikun determinat fejn waslu l-implimentazzjonijiet rakkomandati mill-NAO f’disa’ entitajiet … fosthom l-Isptar Mater Dei, l-Orkestra Filarmonika Nazzjonali, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Junior College, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivli u s-Servizz ta’ Detenzjoni.

L-eżerċizzju li sar din is-sena jindika li 80% tar-rakkomandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali ġew indirizzati parzjalment, jew fil-proċess li jiġu mwettqa mill-Ministeri u l-entitajiet konċernati, filwaqt li 20% ma ġewx indirizzati jew ftit li xejn kien hemm progress fuqhom. Ir-rapport juri bic-car illi nofs ir-rakkomandazzjonijiet ma gewx implimentati b’mod shih.

L-iktar qasam li kellu nuqqasijiet huwa s-Servizz ta’ Detenzjoni hekk kif ġew implimentati biss 36% tar-rakkamandazzjonijiet li saru. Fost l-oħrajn hemm nuqqas ta’ kontroll dwar kif jitmexxa l-qasam tar-riżorsi umani, nuqqas ta’ trasparenza kif għaddew il-flus speċjalment fejn jidħol l-overtime kif ukoll ordni eċċessiva ta’ ikel. Apparti dawn, kien hemm ukoll nuqqasijiet fis-servizz mediku u tħassib dwar kif qed jintefqu l-fondi li ġew allokati għal dan is-servizz.

Fejn jidħol l-Isptar Mater Dei ġew implimentati 80% tar-rakkomandazzjonijiet hekk kif fir-rapport issemma’ li t-taqsima li tieħu ħsieb il-Kuntratti Maniġerjali għandha tkun imsaħħa.

Min-naħa tal-Junior College ġew implimentati 60% tar-rakkomandazzjonijiet. Fost in-nuqqasijiet li tqajmu hemm in-nuqqs ta’ kontroll fuq l-overtime kif ukoll sottomissjonijiet b’lura lid-Dipatiment tat-Taxxa.

Kien hemm ukoll nuqqasijiet fl-inventarju u n-nefqa għat-tindif fl-iskejjel ta’ Għawdex fejn qed jinħass il-bżonn li jkun hemm aktar kontrolli fejn jidħol is-servizz ta’ tindif fl-iskejjel.