Internazzjonali

Covid-19: Il-WHO twissi li l-infezzjonijiet fl-Ewropa qed jiżdiedu….

L-infezzjonijiet bil-Covid-19 qed jerġgħu jiżdiedu fl-Ewropa wara li fl-aħħar għaxar ġimgħat kien irreġistrat tnaqqis sinifikanti fil-każi fid-diversi Stati tar-reġjun.

Hans Kluge, li jmexxi l-fergħa tal-Ewropa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), wissa dwar ‘mewġa ġdida ta’ infezzjonijiet madwar l-Ewropa f’każ li n-nies ma jeżerċitawx sens ta’ dixxiplina’.

It-twissija, intant, qed tingħata enfasi fost il-firxa tal-varjant ‘Delta’ tal-coronavirus; iż-żieda fit-taħlit tan-nies u l-ispinta tal-aħħar jiem fl-ivvjaġġar – anki waqt li l-pajjiżi qegħdin inaqqsu r-restrizzjonijiet li spikkaw fl-agħar ġimgħat tal-pandemija.

Sadanittant, il-Portugall, fl-aħħar ġranet, irreġistra l-ogħla ammont ta’ infezzjonijiet minn Frar — waqt li Spanja rrappurtat qabża kbira ta’ każi tal-Covid fost iċ-ċittadini bejn l-20 u d-29 sena.

Ir-Russja qed tagħmel l-almu tagħha biex tnaqqas l-ammonti tal-imwiet rekord mill-Covid u meta r-rapport ‘għall-aħħar 24 siegħa’ mill-pajjiż irrefera għal 672 mewta ġdida. L-infezzjonijiet fir-Russja, intant, ħadu spinta kbira – f’parti minħabba ‘ir-rata fqira ta’ distribuzzjoni’ tal-vaċċini għal kontra l-virus.

Il-parti kbira tal-aħħar infezzjonijiet irreġistrati fil-Finlandja qed jidhru dovuti għall-partitarji tal-futbol li rritornaw lura d-dar mill-belt Russa ta’ San Pietruburgu fejn qegħdin jiżdiedu sew il-każi tal-varjant ‘Delta’.

Madankollu, ir-rati tal-infezzjoni fil-Ġermanja għadhom baxxi ferm, bir-rata tal-inċidenza għal din l-aħħar ġimgħa tinżel għal 5.1 każ għal kull 100,000 ruħ.

Mill-banda l-oħra, fir-Renju Unit kienu rappurtati 26,068 każi ġodda tal-virus għal nhar l-Erbgħa li hi l-ogħla ċifra ta’ infezzjonijiet bil-Covid mid-29 ta’ Jannar.

Sadanittant, l-esperti fir-Renju Unit qed iħeġġu biex il-lista uffiċjali dwar is-sintomi tal-Covid (għall-pajjiż)  tkun estiża peress li l-lista attwali x’aktarx mhix tinkludi ħafna sintomi tipiċi tal-marda.

In-National Health Service (NHS) tar-Renju Unit ilu x-xhur jikkonferma d-deni għoli, is-sogħla iebsa kontinwa u l-bidliet fit-togħma u s-sens tax-xamm bħala sintomi klassiċi tal-Covid. Iżda llum, l-aktar sintomi komuni li qed ikunu rappurtati huma sogħla ‘xi ftit regolari’, uġigħ tar-ras u għejja – dejjem skont l-aħħar stħarriġ fost il-poplu.

Fi żviluppi oħra, l-NHS, fl-aħħar sigħat, ingħata l-approvazzjoni tal-Gvern Britanniku biex jibda jippjana programm għal vaccine booster fir-Renju Unit.

Intant, il-pandemija qed tkompli tħalli impatt fis-settur tat-turiżmu madwar id-dinja, bl-Indoneżja, issa, tħabbar lockdown għal Java – il-gżira ewlenija tagħha – kif ukoll għal Bali, li hi l-aktar destinazzjoni turistika magħrufa ta’ dan il-pajjiż.

Dan tħabbar mill-President Indoneżjan, Joko Widodo, meta l-Indoneżja qed tipprova tikkontrolla sensiela ta’ epidemiji ġodda tal-Covid u żieda allarmanti fl-infezzjonijiet.

L-Indoneżja, riċentement, irreġistrat maż-żewġ miljun infezzjoni li huma attribwiti għall-ispinta ta’ attività fis-settur tal-holiday travel u (anki) l-varjant ‘Delta’ li qed jiċċirkula bi frekwenza akbar.

Il-lockdown inkwistjoni se jdum għal ġimgħatejn waqt li hu intiż biex inaqqas l-ammonti tal-infezzjonijiet għal taħt l-10,000 kuljum. Dan meta fl-Indoneżja, qed ikunu rreġistrati ‘il fuq minn 20,000 każ tal-Covid ‘għal kull 24 siegħa’ – bl-esperti qed iwissu li l-ammonti kapaċi jkunu ferm ogħla minħabba n-nuqqasijiet fis-sistemi għall-ittestjar tan-nies barra l-kapitali, Jakarta.+