Lokali Qorti

Ħalliel li wettaq serqa f’banka tal-lottu b’sikkina kundannat tliet snin ħabs

Raġel li seraq banka tal-lottu x-xahar li għadda meta kien armat b’sikkina ġie kundannat tliet snin ħabs. Noel Sciberras, minn Birkirkara ammetta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello b’serq aggravat bi vjolenza, mezzi u valur kif ukoll li żamm il-kaxxier ta’ 61 sena kontra r-rieda tagħha.

Sciberras ammetta wkoll li ġarr sikkina fil-pubbliku mingħajr permess u li kiser ordni ta’ probation, kif ukoll li sar reċidiv. Is-serqa seħħet għall-ħabta tad-9: 45 a.m. f’banka tal-lottu fi Triq Dun Filippu Borg, Birkirkara nhar il-25 ta’ Ġunju. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li raġel bil-barnuża, armat b’sikkina kien ordna lill-kaxxiera biex tbattal it-till, qabel ma ħarab bi flus kontanti.

Fortunatament, ħadd ma weġġa’ fis-serqa. Sciberras wara ġie identifikat u arrestat mill-pulizija. Mgħejjun mill-avukat Ramon Bonett Sladden, l-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi fil-Qorti, u wara li ngħata ċ-ċans jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu, rrepeti t-talba tiegħu.

Wara li rat ir-rekord kriminali tiegħu u nvista tal-ammissjoni bikrija, l-Qorti kkundannat lil Sciberras għal tliet snin, priġunerija u mponiet multa ta’ €116 għall-pussess tas-sikkina u ordnatlu jħallas lura l-flus misruqa. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin ta’ sentejn favur il-vittma. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Roxanne Tabone mexxew il-prosekuzzjoni.