Illejla Ħamrun Spartans kienu ppreżentati bit-trofew tat-tmien kampjonat fl-istorja tal-club tagħhom mill-President tal-MFA Bjorn Vassallo. Ħamrun ġew nkurunati champions hekk kif kienu jinsabu fl-ewwel post tal-BOV Premier League wara li ntlagħbu 75% tal-partiti fil-kampjonat, li eventawlment ġie sospiż minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Matul l-istaġun li għadda huma rebħu 17-il partita, ġew draw f’ħames logħbiet u tilfu partita waħda. Ħamrun kellhom ukoll l-aħjar attakk fil-Kampjonat Premier fejn skorjaw 56 gowl u kellhom ukoll l-aħjar difiża flimkien ma’ Hibernians fejn sofrew 20 gowl. Dan kien ukoll l-ewwel Kampjonat mirbuħ taħt il-presidenza ta’ Joseph Portelli, fit-tmexxija tal-club.
Il-preżentazzjoni saret fil-Victor Tedesco Stadium taħt osservazzjoni tar-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, f’xandira diretta fuq Net Television, permezz ta’ edizzjoni speċjali tal-programm Replay.
//= $special ?>